“Ejja Nwaqqfu L-Gideb!…Il-PN Mhu Se Jħassar L-Ebda Ċittadinanza Maltija” – Il-Kelliem Tal-PN Peter Agius
“Ejja nwaqqfu l-gideb!” Hekk saħaq il-Kelliem Ewlieni tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius wara li lbieraħ irċieva telefonata m’għand familja Russa b’ċittadinanza Maltija. Din il-familja qalet lil Peter Agius li ftit qabel kien għamel żjara għandhom kandidat Laburista u qalhom biex ma jivvutawx lill-PN, għax “il-PN se jħassar iċ-ċittadinanza Maltija tagħkom.”
Agius fuq il-mezzi soċjali tiegħu qal li huwa żar lil din il-familja aktar tard filgħaxija.
“Huma qaluli kif akkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija b’naturalizzazzjoni,” tenna Agius, filwaqt li spjega li l-PN m’għandu xejn kontra l-komunità ta’ espatrijati issa ċittadini Maltin, kemm jekk huma permezz ta’ naturalizzazzjoni jew mod ieħor.
“Int wieħed minna. Aħna ninsabu mal-Ukreni daqs kemm ninsabu mar-Russi kollha li huma kontra l-gwerra ta’ Putin. Se naħdmu flimkien miegħek, bit-talenti u l-esperjenza tiegħek, biex dan il-pajjiż isir aħjar f’kull qasam,” saħaq Peter Agius.
Huwa sostna li ħadd m’għandu jaqa’ għall-misinformazzjoni.
Agius temm jgħid li l-PN se jkun qed ineħħu s-segretezza tal-iskema u dak kollu li qed jaħbi l-PL, u li dan m’għandu x’jaqsam xejn ma’ ċittadini li kisbu ċ-ċittadinanza Maltija.