Il-PL Qed Iwiegħed Kwalità Ta’ Ħajja Aħjar B’Opportunitajiet Għal Kulħadd
“L-istorja tal-IVF f’pajjiżna f’dawn is-snin riċenti hija storja ta’ suċċess, imma kien il-Partit Laburista fil-Gvern li wettaq dan is-suċċess flimkien mal-koppji, familji ġodda li llum għandha fil-pajjiż, meta daħħal is-sistema tal-IVF mingħajr ħlas f’pajjiżna. Permezz ta’ dan illum għandna f’pajjiżna 410 tifel u tifla, 252 minnhom mill-proċess ta’ mingħajr ħlas fl-isptar tagħna. Ħajjiet ġodda, familji ġodda, ommijiet u missirijiet ġodda, nanniet ġodda permezz tad-deċiżjonijiet kuraġġużi ta’ Gvern Laburista. Bħalissa hemm 24 mara tqila bil-proċess tal-IVF, tlieta minnhom bi twins, u għalhekk qed nistennew 27 tarbija ġdida li se jġibu ferħ kbir lill-familji ġodda tagħhom”.
Dan qalu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima, parti mill-kampanja elettorali tal-Partit Laburista.
Il-Ministru Fearne tkellem dwar kif l-IVF kien storja ta’ suċċess u kif Gvern Laburista huwa determinat li jibni fuq dak li nkiseb. Fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid se tkun emendata l-liġi tal-IVF biex ikun hemm iktar opportunitajiet ħalli kulħadd ikollu ċ-ċans li jsir ġenitur. Gvern Laburista għandu r-rieda u l-kuraġġ li jagħmel dak li ma sarx s’issa u għalhekk se jassigura l-użu tal-aktar teknoloġiji moderni biex ikollna aktar familji kuntenti li jrabbu u jwelldu l-uliedhom f’Malta.
Il-Ministru Fearne tkellem ukoll dwar proposti tal-Garanzija għat-Tfal, fosthom ic-children’s allowance u qal li kien il-Partit Laburista li welled ic-children’s allowance u għandu l-pjan konkret u fattibli li jsaħħahom u hekk se jagħmel, kif diġà ħabbar fil-proposti li tressqu. Fil-Garanzija għat-Tfal Gvern Laburista se jinvesti €145 miljun ewro f’ħames snin.
“Se nibdew diskussjonijiet dwar ċentru ta’ riċerka dwar il-politika tal-edukazzjoni li jkun indipendenti mill-Gvern. Irridu naraw diskussjonijiet li jkomplu fuq bidliet kbar fil-homework u l-ħin liberu tat-tfal. Wasal iż-żmien li nimxu lejn sistema edukattiva mingħajr il-bżonn tal-homework”, sostna l-Ministru Clifton Grima. Għall-għalliema hemm pjan abizzjuż li jinkludi kundizzjonijiet li jixirqilkom u żieda fil-ħames snin li ġejjin b’ftehim kollettiv ġdid li jtejjeb il-kundizzjonijiet. Filwaqt li jkompli l-investiment strutturali fl-iskejjel.
Huwa tkellem dwar il-Garanzija għat-Tfal li tikkumplimenta ideat oħra tal-Partit Laburista għas-settur edukattiv li tfasslu wara diskussjonijiet mal-għalliema, l-għaqdiet li jirrapreżentawhom u mal-ġenituri. Fost dawn semma li fil-leġiżlatura li jmiss se jkun estiż is-servizz tac-childcare, servizz b’xejn għal kulħadd irrispettivament jekk il-ġenituri jkunux f’impjieg, jistudjaw jew le. Dan jikkumplimenta l-għadd ta’ proposti li diġà tħabbru għall-istudenti, t-tfal u l-familji tagħhom.
Il-Kelliema tal-PL temmew jgħidu li l-proposti li qed iressaq il-Partit Laburista huma serji u fattibbli. “Proposti li l-Partit Laburista huwa konvint li jistgħu jsiru. Dan huwa kollu possibbli jekk il-poplu jagħti fiduċja lill-Partit Laburista fis-26 ta’ Marzu li ġej.”