L-Għaqda Nazzjonali Każini Tal-Banda Tilqa’ L-Proposti Tal-PL Marbuta Mal-Għaqdiet Mużikali

 L-Għaqda Nazzjonali Każini Tal-Banda Tilqa’ L-Proposti Tal-PL Marbuta Mal-Għaqdiet Mużikali

Hekk kif ilbieraħ il-Partit Laburista nieda l-manifest elettorali tiegħu l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda f’messaġġ fuq il-mezzi soċjali tagħha qalet li qed tilqa’ b’sodisfazzjon li l-proposti li resqet hi wara laqgħat li kellha mal-Prim Ministru Dr Robert Abela, kif ukoll mad-Deputat Mexxej tal-PL l-Perit Daniel Micallef, sabu posthom fil-manifest elettorali tal-PL.

Fost dawn il-proposti l-PL qed iwiegħed li se jkun qed jgħin lill-għaqdiet mużikali li għandhom l-każin propjetà tagħhom sabiex ikomplu jwettqu tibdil fl-operat kif ukoll xogħolijiet ta’ restawr fil-każini. Dan wara li fix-xhur li għaddew il-Gvern għen lis-soċjetajiet li kienu f’riskju imminenti li jitilfu s-sede tagħhom minħabba li kien u jinsabu b’kera.

Il-Gvern qed jipproponi wkoll li jaħdem mal-GĦNKB biex jitfasslu linji gwida għat-tagħlim tal-mużika.

L-GĦNKB laqaw b’sodisfazzjon ukoll diversi skemi ta’ fondi oħra li l-Gvern qed jipproponi li jagħmel sabiex jgħin l-għaqdiet mużikali u jinkoraġġixxi aktar tfal jitgħallmu strument mużikali. Skemi ta’ fondi wkoll biex isir restawr tal-armar tradizzjonali tal-festi.

Hekk kif fis-snin li għaddew l-GĦNKB kienet bdiet l-proċess sabiex l-Festa tkun fil-lista tal-Wirt Kulturali Intanġibbli tal-UNESCO, il-PL qed iwiegħed li se jkun qed ikompli l-ħidma sabiex dan il-proċess jitlesta b’suċċess.

“Inħarsu ‘l quddiem b’ottimiżmu sabiex flimkien naħdmu u nattwaw dawn il-proposti għall-ġid tal-Festi u l-Għaqdiet Mużikali Maltin u Għawdxin,” temmet tgħid l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com