Il-PN Bi Proposti B’Appoġġ Għas-Setturi Kulturali Inkluż Festi, Nar, Regatta, Artiġjanat U Karnival

 Il-PN Bi Proposti B’Appoġġ Għas-Setturi Kulturali Inkluż Festi, Nar, Regatta, Artiġjanat U Karnival

“Il-PN jemmen li d-delizzji, namriet, ħiliet u l-artiġjanat huma kollha parti mill-identità tagħna bħala poplu Malti u Għawdxi kif ukoll parti integrali mill-prodott turistiku tagħna. Jeħtieġ nikkultivaw lil dawk li jaħdmu biex iżommu ħajja t-tradizzjoni u l-kultura Maltija. Jekk jieqfu huma tkun qed tmut parti mill-identità tagħna.” Dan qaluh il-Kelliem Ewlieni tal-PN Dr Peter Agius flimkien mal-Kandidati tal-PN Edwin Vassallo u Francine Farrugia.

Il-Kelliema tal-PN qalu li biex verament jippromwovu dawn is-setturi ser iwettqu qafas ta’ miżuri li permezz tagħhom jagħtu spinta qawwija lill-każini tal-banda, dawk involuti fil-festi tagħna inkluż iċ-ċelebrazzjoni tal-karnival Malti, ir-regatta tagħna, u l-artiġjanat li joħloq u jibni dan il-ġmiel ta’ drawwietna. “Dawn il-miżuri huma intiżi biex jgħinu fil-qawmien mill-ġdid ta’ dawn l-organizzazzjonijiet wara l-pandemija tal-Covid-19.”

Waqt il-konferenza l-Kelliema tal-PN taw dettalji dwar 24 proposta b’rabta ma’ dan is-settur.

Fost l-oħrajn qed jipproponu li l-imħażen tal-armar, każini tal-banda, kmamar tan-nar u klabbs tar-regatta ser jingħataw għotja li tvarja bejn €10,000 u €25,000, b’rabta ma’ programm ta’ nfiq intiż biex jagħmel l-għaqda rispettiva aktar sostenibbli, isir xogħol ta’ infrastruttura jew manutenzjoni u b’hekk tkun tista’ ssir aktar effettiva f’ħidmietha fil-komunità.

Il-PN qed iwiegħed li ssir konsultazjoni biex ikunu riveduti r-regolamenti dwar il-ġarr tan-nar filwaqt li jiġu riveduti wkoll il-proċeduri kollha marbuta mal-ħruq tan-nar, inkluż li tkun simplifikata l-proċedura tal-ħruq ta’ nar waqt il-prova. Gvern ġdid Nazzjonalista se jibda jkopri wkoll l-ħlas għall-ispiża tal-iskorta tal-Pulizija fejn din tkun meħtieġa.

Miżura oħra hija li ssir emendi fil-liġi tal-VAT, biex kmamar tan-nar ikunu jistgħu japplikaw ħalli jieħdu r-refunds tal-VAT fuq l-ispiża li jkunu għamlu filwaqt li f’dawk il-postijiet fejn m’hemmx kmamar tan-nar, ser tingħata għotja ta’ €3,000 fis-sena biex tgħin lil dawk l-għaqdiet jorganizzaw il-festi tagħhom.

Fost il-proposti l-PN qed jgħid li s-servizzi kollha li jingħataw minn entitajiet governattivi bħalma huma permessi u servizzi extra tal-Pulizija, LESA, Transport Malta, ARMS u servizzi ta’ fire-engine, eċċ, jingħataw b’xejn.

Il-PN qed jipproponi wkoll li jerġa’ jibda jopera b’mod effettiv il-Kunsill Malti għall-Artiġjanat b’waħda mill-funzjonijiet tiegħu tkun inkluża r-reġistrazzjoni tal-artiġjani li jaħdmu fl-arti reliġjuża. Permezz tal-Kunsill Malti għall-Artiġjanat, flimkien ma’ Heritage Malta, l-artiġjani jkunu megħjuna biex jaħdmu fi produzzjonijiet li jkunu qed jinħadmu f’Malta, kif ukoll li dawn l-artiġjani jkunu apprezzati għall-ħila tagħhom.

Dwar ir-regatta l-PN qed jipproponi li l-organizzazzjoni tar-regatta tibda tkun taħt ir-responsabbiltà konġunta ta’ Heritage Malta, kif ukoll ser joffru appoġġ lill-klabbs tar-regatta biex ikunu jistgħu jħarrġu qaddiefa żgħażagħ kif ukoll biex id-dgħajjes tagħhom jinżammu f’kundizzjoni tajba u jibnu oħrajn ġodda biex jintużaw fir-regatta.

Dwar il-karnival fost oħrajn il-PN qed iwiegħed li kull parteċipant li jkun rebaħ il-kategorija li jkun ikkompeta fiha, jingħata għotja biex ikun jista’ jieħu sehem f’karnival ta’ pajjiż ieħor sabiex ngħollu dejjem aktar il-livell tal-parteċipanti lokali.

Qed iwiegħed ukoll li l-premjijiet tal-kategoriji kollha jiżdiedu bi 300% fuq dawk li hemm stabbiliti llum sabiex ikunu qed jirriflettu aħjar l-impenn u l-ħidma ta’ dawk li jipparteċipaw b’tant dedikazzjoni. Il-PN qed jgħid ukoll li se jagħti l-importanza neċessarja biex jitwettaq il-proġett tal-Carnival Village sabiex il-parteċipanti jkollhom post adekwat minn fejn joperaw.

Dawn kienu uħud mill-proposti li l-PN qed jipproponi għas-settur tal-kultura marbuta mal-festi, nar, regatta, artiġjanat u l-karnival.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com