“Se Jkollna Sajf Tradizzjonali U L-Festi Ser Jiġu Organizzati B’Mod Normali” – Il-Partit Laburista

 “Se Jkollna Sajf Tradizzjonali U L-Festi Ser Jiġu Organizzati B’Mod Normali” – Il-Partit Laburista

“Is-settur kulturali flimkien mas-settur tat-turiżmu kien wieħed mill-aktar impattat b’mod negattiv waqt il-pandemija, għaliex ir-restrizzjonijiet kienu propju f’dawn is-setturi. Għalhekk konsistentament dejjem rajna li nkunu attenti ħafna u ngħinu lil dan is-settur. Il-festi huma dak li jiddefinixxu l-identità tagħna u fejn tara kemm hu b’saħħtu s-settur tal-kontribut volontarju għaliex tant tara żgħażagħ li jikkontribwixxu fil-festi u fejn nemmen li nistgħu nkomplu ninċentivaw it-tisħiħ tal-ħiliet taż-żgħażagħ tagħna. Il-Manifest Elettorali tagħna huwa ċar dwar il-festi. Se jkollna sajf tradizzjonali u l-festi ser jiġu organizzati b’mod normali.”

Dan ħabbru l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt intervista mill- preżentattriċi Clare Agius f’Ħal Kirkop.

Fost il-proposti fil-Manifest semma l-inizjattiva fejn ser jgħinu għaqdiet kulturali biex jinkoraġġixxu t-tfal jitgħallmu instrument mużikali. Inizjattiva oħra hija r-restawr tal-armar tradizzjonali.

Dwar il-każini tal-banda, l-Prim Ministru sostna li bħala Gvern intervjenew billi niedew inizjattiva li tiswa għexieren ta’ miljuni t’ewro, fejn beda’ l-proċess sabiex il-Gvern jixtri l-każini mingħand is-sidien privati u jiġu propjetà tal-Gvern, umbagħad il-Gvern jidħol fi ftehim ma’ dik l-għaqda partikolari sabiex jingħataw ftehim li jkollhom titolu fuq il-post. Tenna li “kellna r-rieda li naslu u għaliex nemmnu fis-settur, wasalna biex nipproteġu sa kemm huwa possibli l-każini tagħna u l-għaqdiet li joperaw minnhom milli jiġu żgumbrati. Għal dawk il-każini li diġa huma sidien tal-propjetà, ser ngħinuhom ukoll f’affarijiet oħra fosthom fir-restawr tal-binja u skemi oħra”.

Dwar is-settur artistiku, l-Prim Ministru sostna li l-pandemija tat daqqa b’saħħita ħafna lil dan is-settur tant importanti għall-pajjiż. Sostna li s-sapport li qed jagħtu u ser jibqgħu jagħtu bħala Gvern huwa b’saħħtu. Ser jiġu allokati fondi għall-artisti u kreattivi sabiex ikunu jistgħu jirkupraw kemm jista’ jkun malajr mill-effetti tal-pandemija.

Dr Abela sostna li l-inġustizzja mal-ħaddiema għadha fuq l-aġenda tal-Gvern. Sostna li fl-aħħar snin sar investiment ta’  madwar €66 miljun fi skemi maħsuba biex jagħmlu ġustizzja ma’ eluf ta’ ħaddiema. Sostna li sal-aħħar tal-leġiżlatura se jkunu qed jitwettqu dak li kien imwiegħed, iżda xorta fadal aktar inġustizzji x’jiġu indirizzati u dawn se jkunu qed jissewwew.

Dwar il-ftehim ġdid li sar mal-Freeport, Dr Abela sostna li l-prinċipju wara dan il-ftehim kien li hemm infrastruttura li hija essenzjali għall-pajjiż u l-investiment huwa meħtieġ anke għaliex joffri għixien ta’ kwalità lil ħafna familji, iżda riedu jkomplu jindirizzaw l-inkonvenjent għan-nies tal-madwar. Għaldaqstant il-ftehim ser jfisser li dak l-operat tal-cranes li kien ser isir faċċata tan-nies, ser joħroġ il-barra sabiex ma jkunx hemm inkonvenjent għan-nies. Kif ukoll li operat li joħloq inkonvenjent waqt il-ħin tal-mistrieħ tan-nies mhux se jkun qed isir matul dawk il-ħinijiet. Dr Abela semma l-proġetti tas-Sustainable Innovation Hub kif ukoll l-proġett tas-Shore to Ship li se jkomplu jtaffu mill-piż tal-komunità ta’ Birżebbuġa mingħajr ma jxekklu l-investiment.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com