Żewġ Nisa Arrestati Fl-Ajruport B’Rabta Ma’ Importazzjoni Ta’ Kokaina B’Valur Ta’ €400,000

 Żewġ Nisa Arrestati Fl-Ajruport B’Rabta Ma’ Importazzjoni Ta’ Kokaina B’Valur Ta’ €400,000

Żewġ nisa ta’ 18 u 29 sena mill-Venezwela ġew arrestati fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wara li nstabu li qed iġorru madwar erba’ kilos droga kokaina.

Dan l-arrest sar wara ħidma konġunta bejn il-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, il-Pulizija fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u d-Dipartiment tad-Dwana.

Iż-żewġ nisa, twaqqfu mill-uffiċjali tad-Dwana kif waslu f’Malta lbieraħ b’titjira minn Madrid, Spanja wara li qam suspett li qegħdin iġorru fuqhom sustanza illegali.

Minħabba li ma kinux qegħdin jikkoperaw, intalbet l-assistenza tal-Pulizija tal-Ajruport u s-suspett fihom kiber hekk kif kelb tad-Dwana beda jindika xi ħaġa suspettuża.

Huma ġew arrestati, bil-Pulizija tagħmel tfittxija fuqhom fejn fil-pussess tagħhom instabet id-droga kokaina, b’valur fit-triq ta’ madwar €400,000.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Doreen Clarke ġiet infurmata bis-sejba u ħatret inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga għadhom għaddejjin filwaqt li ż-żewġ nisa mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com