Il-PM Robert Abela Jwiegħed Li Gvern Laburista Se Jkompli Jtejjeb Il-Kwalità Tal-Ħajja Tan-Nies

 Il-PM Robert Abela Jwiegħed Li Gvern Laburista Se Jkompli Jtejjeb Il-Kwalità Tal-Ħajja Tan-Nies

“L-inawgurazzjoni tat-tieni fażi tal-proġett tal-Malta National Park, f’Ta Qali huwa investiment ta’ €15-il miljun imma investiment b’saħħtu ta’ kwalità tal-ħajja tan-nies. U dik hija l-ikbar dimensjoni li għandu l-proġett.”

Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Roberta Abela waqt attività politika fl-Imsida parti mill-kampanja elettorali bit-tema Malta Flimkien.

Il-Prim Ministru spjega li Gvern Laburista rnexxielu jirriġenera ż-żona ta’ tal-madwar bħal Crafts Village li l-proġett jinsab għaddej b’ritmu tajjeb, l-Park Nazzjonali nnifsu fejn issa se mmorru għal prova konkreta tal-kunċett li ssemma fil-manifest elettorali magħruf bħala l-Urban Green Reclamation. Huwa fisser li minn spazju li qabel kien jintuża għal fabbrika tal-konkrit illum ħloqna spazju aħdar miftuħ għal familji tagħna li fihom jistgħu jgawdu l-ħin ta’ rilassament. Huwa elenka wkoll li fl-akkwati ta’ Buqana, tal-Għeriexem, is-Central Link li tant tejbet is-sitwazzjoni tal-immaniġjar tat-traffiku f’pajjiżna.

“Meta nitkellmu dwar futur aħjar li rridu għall-familji tagħna u għal uliedna huma dawn il-proġetti u dan il-proġett li komplejna ninawguraw ilbieraħ fadal fażijiet oħra tiegħu. Tistgħu taraw li l-kunċetti li tkellimna dwarhom anke fit-tnedija tal-manifest elettorali fil-bidu tal-kampanja meta tkellimna fuq l-investiment ta’ €700 miljun fuq medda ta’ 7 snin, dan huwa proġett, xiehda konkreta ta’ dak li qed nitkellmu dwaru. Spazji miftuħin li se jwasslu għal titjib fil-ħajja tan-nies,” saħaq il-Prim Ministru Robert Abela.

Iżda meta nitkellmu dwar il-kwalità tal-ħajja, l-Prim Ministru qal li dan ifisser is-sostenn li nagħtu lill-familji tagħna. Sa din il-ġimgħa stess, fil-posta n-nies irċievew ċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa li tajnih kull sena kif ukoll ċ-ċekk addizzjonali.

Dwar l-akkomodazzjoni soċjali, il-Prim Ministru qal li pajjiżna għandu 10,000 familja illi jgħixu f’residenza li dwarha hemm kirja protetta ta’ qabel l-1995. Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien ipprova jindirizza din ir-realtà fl-2009 iżda ħolqu katastrofi u spiċċajna b’każijiet ta’ familji li spiċċaw barra mingħajr saqaf fuq rashom, spjega il-Prim Ministru.

Huwa qal li l-Gvern Laburista telaq mill-prinċipju ta’ dak li nemmnu li huwa dritt sagrosant tan-nies li jkollhom saqaf fuq rashom, il-prinċipju li kulħadd ħaqqu akkomodazzjoni xierqa. Fuq dan il-punt Gvern Laburista telaq fuq sensiela ta’ riformi ambizzjużi li ndirizzaw is-sitwazzjoni tal-kirjiet protetti. Din ir-riforma ambizzjuża kienet li protiġejna 10,000 familja u tajnihom is-serħan il-moħħ tal-garanzija tar-residenza u min naħa l-oħra lis-sidien, li l-kera tiġi riveduta skont il-valur tal-propjetà imbgħad titla kemm titla l-kera sa għaxart’ elef ewro fis-sena iħallasha l-gvern. Hawnhekk ukoll ingħata is-serħan il-moħħ lis-sidien li qed jirċievu l-valur il-ġust tal-propjetà tagħhom.

“Dan huwa moviment li jgħix għal bidliet u għar-riformi” qal il-Prim Ministru meta mistoqsi jekk l-ordni tal-ġurnata hux se tibqa’ Malta ugwali. Huwa qal li din hija kwalità oħra li tiddistingwina minn l-oppożizzjoni. Huwa qal li Gvern Laburista qatt m’għex fil-kumdità tal-istatus quo u ma nistgħu ndawru dahrna għal dawk in-nies li ma kellhomx ix-xorti li jsiru ġenituri u li llum hawn il-mezzi tax-xjenza li bihom jistgħu isiru ġenituri. “U lil dawk il-koppji tajthom kelma li sa mitt ġurnata mill-bidu tal-leġislatura jekk aħna ningħataw fiduċja nagħmlu l-emendi kollha meħtieġa fil-liġi tal-IVF. Dan għax nemmnu f’Malta ugwali nitkellmu f’settur liema nitkellmu,” wiegħed il-Prim Ministru.

Dwar LGBTIQ+, il-Prim Ministru qal li Gvern Laburista għamel ħafna riformi iżda fadal x’nagħmlu u rridu nagħmluhom f’kull settur ta’ minoranza. “Gvern Laburista ma jridx li setturi f’minoranzi f’dan il-pajjiż jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom iżda rridu narawhom f’pożizzjonijiet ta’ deċiżjoni u fl-ogħla istituzzjonijiet tal-pajjiż. Irridu nkissru kull forma ta’ inugwaljanza f’dan il-pajjiż,” tenna l-Prim Ministru.

“Il-ġustizzja, se ssibuha f’dak kollu li qed nipproponu fil-pjan tal-futur ta’ pajjiżna. Malta tal-futur li qed nipproponu hija li kulħadd ikun aċċettat u inħaddnu lil kulħadd. Għalhekk qed nitlobkom il-fiduċja fis-26 ta’ Marzu biex minn elf proposta nagħmlu elf kisba ġdida,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com