Investiment Ta’ €48 Miljun Biex Tingħata Spinta Lill-Produzzjoni U D-Distribuzzjoni Ta’ Ġeneriċi Lejn Swieq Emerġenti

 Investiment Ta’ €48 Miljun Biex Tingħata Spinta Lill-Produzzjoni U D-Distribuzzjoni Ta’ Ġeneriċi Lejn Swieq Emerġenti

Kumpanija tal-farmaċewtika KELIX bio se tkun qed tinvesti €48 miljun f’ċentru ta’ manifattura u distribuzzjoni ta’ klassi dinjija f’Malta. Dan l-investiment se jkun strumentali lejn l-għan tal-kumpanija li tiżviluppa u tikkummerċjalizza ġeneriċi affordabbli għall-ekonomiji emerġenti.

L-investiment, li se joħloq 100 karriera ta’ kwalità fit-tliet snin li ġejjin, tħabbar mill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli waqt żjara f’KELIX bio, akkumpanjata mill-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia u l-Kap Eżekuttiv ta’ KELIX Hocine Sidi-Qal.

KELIX bio huwa negozju ta ġenerika speċjalizzata li jiffoka fuq oqsma ta’ terapija u forom ta’ prodotti ta’ onkoloġija, dijabete, anti-infectives u inhalers, injectables u biosimilars li jiġu esportati lejn aktar minn 40 pajjiż madwar id-dinja. Il-kumpanija akkwistat is-sussidjarja ta’ Italfarmaco SPA Chemi Malta f’Ħal Far, ħadet f’idejha l-faċilità tagħha ta’ klassi dinjija li għadha kif inbniet, u hija ċertifikata mill-UE u mill-FDA tal-Istati Uniti. KELIX bio beħsiebha żżid il-forza tax-xogħol tagħha b’mill-inqas 100 professjonist bi kwalifiki għolja.  Il-Malta Enterprise ghenet b’mod attiv fil-process sabiex KELIX bio saru sidien ta’ CHEMI Malta.

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li KELIX huwa eżempju ċar ta’ investiment li Malta trid tattira, filwaqt li tippjana bil-quddiem biex tkompli toffri opportunitajiet ta’ xogħol u impjiegi ta’ kwalità għolja.

Il-Ministru Miriam Dalli qalet: “L-innovazzjoni u l-għaqal fis-settur finanzjarju illum qed jitpoġġew f’azzjoni. L-investiment li qed isir minn KELIX bio, bl-appoġġ tas-CDC, Development Partners International u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, huwa investiment fiċ-ċittadini madwar id-dinja.

“Dan l-investiment huwa wkoll investiment f’pajjiżna. Aħna tassew qed niżviluppaw lil Malta bħala l-hub li jmiss tal-manifattura fl-industrija tal-bijofarma. Dan l-iżvilupp jsaħħaħ il-kapaċità tagħna li nattiraw investimenti barranin diretti f’setturi ta’ valur għoli u mmexxija mit-teknoloġija bħal bijofarmaċewtiċi.”

Min-naħa tiegħu, il-ko-Fundatur u CEO ta’ Kelix bio Hocine Sidi-Said stqarr: “Iċ-ċentru l-ġdid ta’ KELIX bio f’Malta se jkun strumentali fil-missjoni tiegħu li jwassal mediċini bi prezz baxx u ta’ kwalità lil ġurisdizzjonijiet storikament imċaħħda minn aċċess għal mediċini bħal dawn. Malta toffri wkoll status ta’ Freedom-to-Operate li huwa attraenti ħafna għall-manifatturi ġeneriċi. Minkejja l-pandemija tal-Covid-19, Malta baqgħet pajjiż attraenti għall-investituri barranin imħeġġa minn inċentivi, rati tat-taxxa favorevoli u ambjent regolatorju amikevoli.”

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com