“Kull Elezzjoni Tibda Xejn B’Xejn…Ħadd Ma Għandu Jibqa’ D-Dar…Ejja Kollha Kemm Aħna Nieħdu D-Deċiżjoni Ta’ X’Irridu Għal Pajjiżna” – Il-PM Robert Abela

 “Kull Elezzjoni Tibda Xejn B’Xejn…Ħadd Ma Għandu Jibqa’ D-Dar…Ejja Kollha Kemm Aħna Nieħdu D-Deċiżjoni Ta’ X’Irridu Għal Pajjiżna” – Il-PM Robert Abela

“Ftit aktar minn sentejn ilu, il-membri tal-Partit Laburista għażluni biex immexxi l-Partit Laburista. Kienu sentejn ta’ sfidi u deċiżjonijiet, fejn flimkien ma’ sħabi tajna l-enerġija kollha tagħna għal pajjiżna. Sitt ijiem oħra issa se nitlob mingħand il-poplu Għawdxi u Malti biex jislifni għall-ewwel darba l-istess fiduċja li silfuni l-membri tal-Partit Laburista. Dik ta’ Diċembru tal-elfejn u dsatax u dik tal-lum, huma żewġ kampanji totalment differenti. Imma hemm ħaġa waħda komuni; l-Għaqda”.

Hekk beda diskors il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela meta ndirizza mass rally ilbieraħ f’Ta’ Qali, parti mill-kampanja elettorali tal-Partit Laburista.

“Meta ftit tal-ġimgħat ilu fissirt lill-Kabinett u l-grupp parlamentari għaliex ridt li mir-Rebbiegħa rridu nidħlu f’fażi ġdida, kont mimli fiduċja għax dik il-fażi kellna pjan ċar ta’ kif irriduha tkun. Il-pjan li qed naqsam magħkom, ta’ kuljum. Għeni – u għeni mhux ftit – il-fatt li bħala pajjiż konna flimkien. Fhimna lil xulxin u għamilna s-sagrifiċċju għal xulxin…Aħna parti minn familja. Il-familja Ewropeja! U l-familja Maltija!”, saħaq il-Mexxej Laburista.

Il-Prim Ministru fakkar kif il-Ħadd li għadda kien wissa li se jibda l-gideb. U min qiegħed f’paniku għax lanqas jaf x’suppost qed jipproponi, reġa’ pprova jdahhal l-inċertezza fin-negozji. Dr Robert Abela staqsa jekk min jaġixxi f’paniku u min għax politikament iddisprat u jrid jilgħab bl-għixien tal-poplu, tistax tafdah.

“Lesti tafdaw lil min lanqas kontroll tal-partit tiegħu stess m’għandu? Lesti tafdaw lil min f’nofs dan kollu għażel il-logħba tal-partigġjaniżmu – li nqasmu f’mitt biċċa u għamlu rivolta interna?”, tenna l-Prim Ministru.

Il-Partit Laburista daħal għal din il-kampanja elettorali bħala missjoni, mhux f’isem il-Partit Laburista, imma f’isem il-familji bieżla Maltin. Gvern Laburista se jkompli jaħdem għaliex jaf li l-prijorità ta’ kulħadd huma l-ulied u allura jridu wkoll futur aħjar għal pajjiżhom.

“Li qed nitlob mingħandkom hu li tgħinuna biex dan nagħmluh realtà. U allura l-għażla hija ċara. Jekk minn din ir-rebbiegħa nidħlux fażi ġdida magħqudin bħala pajjiż, jew nirriskjawx li mmorru lura għat-tmexxija ta’ partit maqsum. Ta’ oppożizzjoni li l-uniku konsistenza tagħha hi li topponi kollox, il-ħin kollu”, qal Dr Robert Abela.

Il-Mexxej Laburista qal li kull elezzjoni tibda xejn b’xejn u jekk il-poplu jemmen għax jaf, li l-Oppożizzjoni tal-lum ma tistax tmexxi l-pajjiż – ħadd ma għandu jibqa’ d-dar, ħadd ma għandu jħalli l-futur f’idejn l-Oppożizzjoni. Poplu li għandu jagħżel l-elf proposta li jridu jinbidlu f’elf kisba ġdida. Elf proposta bla kundizzjonijiet ħlief waħda, dik li l-poplu jrid jivvota għalihom.

“U allura ejja kollha kemm aħna nieħdu d-deċiżjoni ta’ x’irridu għal pajjiżna. Bil-vot tagħna nhar is-Sibt li ġej! Ejja nerġgħu nuru dak l-ispirtu ta’ Team Malta. U jekk sal-lum għadek temmen li lest tirriskja u s-Sibt beħsiebek toqgħod id-dar, nitolbok biex terġa’ taħsibha sew. Magħna taf fejn qiegħed!! Ma’ ħaddieħor ma tafx. Intom li diġa’ konvinti li tappoġġjaw lil dan il-partit, ħeġġu lil min għadu ma ġabarx il-vot biex imur jiġbru. Il-vot jibqa’ l-aqwa arma li għandu ċ-ċittadin biex jagħżel il-futur ta’ pajjiżu.”, temm jgħid il-Mexxej Laburista.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com