“Għalkemm Mhux Kulħadd Kien Jirrikorri Għat-Tilqima Tal-Influwenza, Importanti Li Din Is-Sena Inħeġġu Lin-nies Joħduha” – Dr. Christopher Deguara

 “Għalkemm Mhux Kulħadd Kien Jirrikorri Għat-Tilqima Tal-Influwenza,  Importanti Li Din Is-Sena Inħeġġu Lin-nies Joħduha” – Dr. Christopher Deguara

Bl-iskejjel dalwaqt ser jiftħu u forsi bosta huma dawk li jinkwetaw, speċjalment ġenituri, minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna, ħsibna li nitkellmu mat-Tabib Christopher Deguara; tabib tal-familja li tana diversi suġġerimenti u ħsiebijiet dwar is-sitwazzjoni kif ukoll dwar kif għandna nieħdu prekawzzjoni ħalli nagħmlu l-kuraġġ.

  1. Huwa għaqli li nqabblu l-Covid-19 mal-mard simili bħall-influwenzi li jkollna matul is-sena?

Wieħed irid jifhem li l- Covid19 huwa virus ġdid u li nafu fuqu s’issa hu mill-impatt li ħalla warajh. Jekk dan il-virus għandux impatt fuq l-individwu fit-tul għadu ħadd ma jaf. Għalkemm ta’ kull sena, l-influwenza hija responsabbli għall-imwiet pero’ żgur li l-ammont ta’ firxa u l-impatt li kellu l-Covid-19 fuq l-individwi, l- impatt economiku u l-impatt fuq sistemi tas-saħħa mondjali ġgur li ħadd ma stenniehom. Il-Covid ġab is-sistemi tas-saħħa mondjali, t-turiżmu u l-ekonomija għarkupptejha.

  1. Hemm mard ieħor li huwa wkoll allarmanti u ma nitkellmux daqstant fuqu daqskemm qed nitkellmu fuq Covid-19?

Kull mard għandu l-impatt tiegħu fuq l-individwu u l- familjari tiegħu. Il-mard niklassifikawh jew bħala mard li jħalli impatt fiżiku jew dak li jħalli impatt mentali. Hu x’ inhu l-impatt hemm bżonn li wieħed ma jinsiex lil dawk l-individwi li qed isofru. Naqbel li forsi wieħed qed jiffoka aktar fuq il-Covid-19 bħalissa pero iva hemm mard ieħor kroniku kif ukoll mard mentali li ma nistgħux nitfgħuhom taħt it-tapit għax l-individwi li qed iġarrbu dan it-tip ta’ mard qed ibatu fis-skiet u aħna rridu nkunu hemm għalihom ukoll.

  1. Taħseb li ser jinstab vaċċin jew irridu nidraw ngħixu bih dan il-virus?

Bħalissa hawn ħafna kumpaniji u xjentisti li qed itellqu kontra l-ħin biex jinstab il-vaċċin u persważ li ser jinstab però hemm proċess twil qabel dan il-vaċċin jiġi rilaxxat għall-użu fuq il-bnedmin. Nemmen li għalkemm xi forma ta’ vaċċin ser jinstab, xorta ser ikun hemm maġġoranza ta’ nies li jkunu xettiċi fuqu u joqogħdu lura milli jirrikorru għalih. Iva nemmen li irridu nitgħallmu ngħixu b’dan il-virus madwarna.

  1. X’inhuma l-aqwa prekawzjonijiet li t-tfal u l-ġenituri għandhom jieħdu għalihom biex ibiegħdu kemm jista’ jkun mard u t-teħid tal-virus hekk kif issa se tibda l-iskola dalwaqt?

Nenfasizza li l-aktar prekawzjonijiet importanti huma manutenzjoni ta’ distanza soċjali, ħasil tal- idejn, iġenè personali u l-użu tal-maskla u importanti li din tintlibes sew. Huwa importanti li kemm il-ġenituri kif ukoll it-tfal ikunu responsabbli u jekk iħossuhom ma jifilħux joqogħdu d-dar u jieħdu parir mediku qabel ma jerġgħu jirritornaw l-iskola. Huwa wkoll importanti li fejn nistgħu nevitaw xalar u ħruġ bla bżonn. Jekk kulħadd jimxi fuq dan is-suġġeriment, allura t-tfal tagħna, kif ukoll il-ġenituri tagħhom, jistgħu jmorru lura l-iskola u jserrħu rashom mingħajr biża’ żejda.

  1. Jekk taqbdek l-influwenza fix-xitwa, għandek tagħmel swab? Jew tiċċekkja x’għandek l-ewwel?

Din is-sena, kuntrarju għas-snin ta’ qabel, ser inħabbtu wiċċna mal- influwenza kif ukoll mal-Covid-19. Diffiċli biex wieħed jiddistingwi bejniethom fuq sintomi biss għax għandhom sintomi simili. Huwa importanti li meta xi hadd ikun marid ikellem lit-tabib tiegħu/tagħha u żgur li dawn ser jarawhom u jiggwidawhom jekk għandhomx jirrikorru għal swab jew le.

  1. It-tilqima tal-influwenza li tittieħed kull sena, xorta għandna noħduha jew hemm xi biżgħat?

It-tilqima tal-influwenza hija tilqima li ilha magħna għal għexieren ta’ żmien. Għalkemm mhux kulħadd kien jirrikorri għaliha, huwa importanti li din is-sena inħeġġu lin-nies u speċjalment dawk li jaqgħu taħt il-kappa tal-vulnerabbli li jieħduha. Il-vantaġġ li wieħed jieħu din it-titqiba hija dik li tnaqqas minn problema waħda- dik li taqbdu l-influwenza u l-kumplikazzjoni li ġġib magħha. M’hemmx għalfejn ikun hemm biża’ li wieħed jirrikorri għal din it-tilqima.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com