Grech Ma Ddikjarax Aktar Minn €30,000 Fi Dħul Minn Studenti Barranin
Il-kandidat għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech laqa’ fid-dar tiegħu għexieren ta’ student barrani għal minn tal-inqas 5 snin konsekuttivi u li matulhom naqas milli jiddikjara eluf ta’ ewro lill-awtoritajiet tat-taxxa.
Rapport fil-gazzetta MaltaToday tal-Ħadd jikkonferma li investigazzjoni li saret fl-2018 mit-Tax Compliance Unit sabet li Grech daħħal aktar minn €32,000 fi dħul gross wara li laqa’ f’daru mijiet ta’ studenti barranin minn skola li lanqas biss kienet irreġistrata mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Din hija l-aħħar minn sensiela ta’ stejjer dwar it-taxxa ta’ Grech b’rapporti fil-ġurnali indipendenti jiżvelaw ukoll li l-kandidat għat-tmexxija tal-PN kien ilu 12-il sena jonqos milli jiddikjara b’mod regolari d-dħul tiegħu.
L-investigazzjoni sabet li Grech daħħal elfu ta’ ewro billi laqa’ f’daru studenti barranin minn Home Language International School, li nstab li lanqas biss hija rreġistrata mal-MTA.
Minkejja li d-dħul seta’ ma kienx soġġett għar-regoli tal-Income Tax, madankollu l-investigazzjoni kienet ċar li dħul iġġenerat minn din l-attività kellu jiġi inkluż fl-assessjar. Skont l-istess investigazzoni Grech għamel qligħ ta’ €16,000 bejn l-2012 u l-2016. Dan wara li tnaqqsulu l-ispejjeż li seta’ għamel bin-nofs.
Mistoqsi mill-maltatoday għaliex naqas dejjem milli jiddikjara dan id-dħul mill-ospitalità f’daru ta’ studenti barranin u li sar magħruf biss fl-investigazzjoni tat-TCU, Grech qal mal-maltatoday li huwa spjega b’mod estensiv il-pożizzjoni tat-taxxa tiegħu u li huwa ħalas dak dolu minn f’dik li hi taxxa tad-dħul u tal-VAT.
Il-gazzetta qalet li għalkemm Grech s’issa naqas milli jispjega għaliex għamel tant snin ma jħallas dak kollu dovut minnu f’taxxi fuq perjodu li jmur lura sal-1990, huwa qal lill-gazzetta li diġà ħallas aktar minn dak dovut minnu għax irtira l-oġġezzjonijiet tiegħu mal-awtoritajiet tat-taxxa.