Il-Kummissjoni Ewropea Tagħti L-Aħħar Ċans Lil Malta Biex Tiġġustifika L-Bejgħ Tal-Passaporti

 Il-Kummissjoni Ewropea Tagħti L-Aħħar Ċans Lil Malta Biex Tiġġustifika L-Bejgħ Tal-Passaporti

Il-Kummissjoni Ewropea qalet li se tkun qed tipproċedi kontra Malta jekk kemm-il darba l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tibqa’ fis-seħħ.

Fi stqarrija l-Kummissjoni qalet li Malta b’din l-iskema qed tikser il-liġi Ewropea meta qed tingħata lil individwi li jkunu lesti li jħallsu u ma jkollhom ebda rabta mal-pajjiż.

B’dan il-passaport qed jingħata dritt li persuna tivjaġġa minn pajjiż għal ieħor Ewropej mingħajr problemi kif ukoll qed jingħata aċċess għas-suq intern. Il-passaport Malti qed jagħti wkoll dritt li persuna tista’ tivvota kif ukoll tkun bħala kandidat fl-elezzjonijiet lokali kif ukoll Ewropej.

Il-Kummissjoni Ewropea tat lil Malta xahrejn ċans biex tibgħat tweġiba lura. Jekk kemm-il darba din it-tweġiba ma tissodisfax lill-Kummissjoni Ewropea l-kwistjoni se tispiċċa quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

B’reazzjoni għal dan il-Gvern Malti fi stqarrija qal li qed jinnota l-Opinjoni Motivata tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-iskema taċ-Ċittadinanza Maltija b’investiment.

Il-Gvern qal li din il-kompetenza hi waħda ta’ natura nazzjonali ta’ kull Stat Membru u hekk għandha tibqa’. Minkejja tali kompetenza, il-Gvern se jibqa’ jagħmel ċert illi ċ-ċittadinanza tingħata lil dawk l-individwi li tassew ikun jistħoqqilhom, filwaqt li jkompli jżomm kuntatt mal-Kummissjoni.

Il-Gvern se jkun qed janalizza l-kontenut tal-imsemmija Opinjoni tal-Kummissjoni u se jintbagħat komunikat lura lill-Kummissjoni Ewropea fiż-żmien li ġej.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com