Jum Id-Duluri – Devozzjoni U Tradizzjoni

 Jum Id-Duluri – Devozzjoni U Tradizzjoni

Id-devozzjoni lejn id-Duluri, l-Omm li qed tbati bid-dulur ta’ binha, għandha għeruq fondi ħafna. Il-Knisja tiċċelebra d-Duluri darbtejn fis-sena, fil-15 ta’ Settembru u ġimgħa qabel il-Ġimgħa l-Kbira. L-istorja tgħid li t-tifkira ta’ Duluri bdiet fis-seklu 15 f’Cologne, il-Ġermanja, bħala tpattija għall-ereżija ta’ John Hus.

Kien il-Papa Benedittu XIII li fl-1725 ordna li din il-festa tkun iċċelebrata mill-Knisja Universali. Aktar tard il-Papa Piju VII kien għamel riforma fil-kalendarju liturġiku u żamm id-data tal-15 ta’ Settembru bħala jum it-tifkira ta’ Marija Addolorata fl-1814.

Fl-1684 bdiet tinfirex id-devozzjoni tad-Duluri f’Malta, bl-ewwel Konfraternita tad-Duluri twaqqfet f’Ħal Għaxaq. Dik tal-Belt Valletta, tiġbed amirazzjoni u devozzjoni kbira tant li anke l-purċissjoni tkun immexxija mill-Arċisqof ta’ Malta.

F’diversi lokalitajiet insibu l-Purċissjoni tad-Duluri saħansitra f’parroċċi li ma hemmx purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Din is-sena, għalkemm il-purċissjonijiet ta’ jum il-Ġimgħa l-Kbira u l-Irxoxt se jsiru b’mod normali, wara sentejn assenti minħabba l-pandemija, dik tad-Duluri mhux se ssir illum iżda se ssir matul il-ġimgħa d-dieħla. Dan minħabba restrizzjoni partikolari li għadha fis-seħħ.

Ritratt: Purċissjoni tad-Duluri – Belt Valletta

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com