Tifel Isofri Minn Ġrieħi Serji Wara Inċident F’Għawdex
Aktar kmieni llum, għall-ħabta tas-siegħa ta’ waranofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata mill-Isptar Mater Dei li tifel ta’ 15-il sena residenti n-Nadur sofra minn ġrieħi serji wara li kien involut f’inċident f’ Għawdex.
Minn investigazzjonijiet preliminari li sar, irriżulta li lbieraħ għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħaxija, it-tifel kien qiegħed isuq rota qalb l-għelieqi fil-limiti ta’ Għajnsielem, tilef il-kontroll u waqa’.
It-tifel ittieħed minn xi familjari l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, iżda minħabba l-ġrieħi serji li sofra, mal-lejl ġie trasferit lejn Isptar Mater Dei b’helikopter.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Bridgitte Sultana ġiet nfurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.