Il-PN Jtenni L-Appoġġ Tiegħu Lill-Komunitá Internazzjonali Biex Tkompli Tgħin Lill-Poplu Ukren
Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li qed isegwi mill-qrib l-aħħar żviluppi fil-gwerra fl-Ukrajna fil-qalba tal-Ewropa.
Il-Kelliem tal-PN għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Beppe Fenech Adami qal li b’din il-gwerra ir-Russja qed tikser il-liġi internazzjonali, tgħaddi romblu minn fuq is-sovranità ta’ pajjiż u tgħaffeġ id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
“Din hija gwerra li qed tħalli tant imwiet u vittmi innoċenti li tilfu kollox u jinsabu f’sitwazzjoni ddisprata,” saħaq Fenech Adami.
Il-Partit Nazzjonalista tenna l-appoġġ tiegħu lill-Komunità Internazzjonali biex tkompli tgħin lill-poplu Ukren f’dawn il-mumenti tant diffiċli.
Il-Partit Nazzjonalista ħeġġeġ ukoll lill-komunità internazzjonali sabiex b’kull mezz possibbli r-reġim tal-President Putin jiġi mġiegħel iwaqqaf din il-gwerra u jirtira l-Forzi tiegħu mill-Ukrajna.