Mit-2 Ta’ Mejju Jitneħħew Kważi L-Miżuri Kollha Li Fadal B’Rabta Mal-Pandemija
Mit-2 ta’ Mejju se jkun qed ikomplu jitnaqqsu l-miżuri marbuta mal-pandemija tal-Covid-19. Dan se jwassal biex ser jitneħħew kważi l-miżuri kollha li fadal.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien ma’ Prof. Charmaine Gauci.
Mit-2 ta’ Mejju se jkun neċessarju biss li jibqgħu f’kwarantina dawk il-persuni li jkunu pożittivi għall-Covid-19 biss. Il-Ministru Fearne qal li dawk pożittivi, iridu jagħmlu t-test tal-Covid-19 fis-seba’ jum u jekk jibqgħu pożittivi jridu jibqgħu fi kwarantina għal tlett ijiem oħra.
Din ir-regola ser tgħodd għar-residenti kollha f’Malta, imlaqqma u mhumiex.
Tħabbar ukoll li mit-2 ta’ Mejju persuni li kellhom kuntatt primarju ma’ persuni pożittivi mhux ser jibqa’ jkollhom l-obbligu li joqgħodu f’kwarantina. Dawk li jgħixu fl-istess residenza mhux se jkunu obbligati lanqas li joqgħodu kwarantina però fit-tielet jum li joħroġ il-każ pożittiv għandhom jagħmlu test.
Dwar il-maskri d-DPM Chris Fearne qal li minn nhar it-Tnejn li ġej dawn mhux se jibqgħu mandatorji fl-iskejjel. Mit-2 ta’ Mejju l-użu tal-maskri se jibqa’ obbligatorji biss fl-isptarijiet, fi kliniċi u fid-djar tal-anzjani.
Mit-2 ta’ Mejju wkoll il-Passenger Locator Form mhux ser tibqa’ neċessarja, għalkemm l-ivvjaġġar se jibqa’ bis-sistema ta’ żoni ħomor u dawk ħomor skuri.