Tirritorna N-Nickelodeon Treasure Hunt Malta Fil-Belt Valletta
Il-familji Maltin u Għawdxin, kif ukoll turisti, se jkollhom l-opportunità li jsegwu l-passi ta’ wħud mill-aktar karattri popolari fid-dinja tal-istazzjon televiżiv Nickelodeon fil-Belt Valletta bejn it-28 u 29 ta’ Mejju li ġej.
Dawn il-jiem ta’ attivitajiet ser jinkludu varjeta ta’ attrazzjonijiet li jibdew minn Pjazza Tritoni u jibqgħu sejrin sa Pjazza San Ġorġ.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo fil-preżenza taċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia.
Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka li Malta trid tkompli tkun minn ta’ quddiem biex toffri xelta ta’ esperjenzi pożittivi għat-turisti li jiġu jżuruna.
“Attivitajiet bħal Nickelodeon Treasure Hunt Malta huma ta’ kontribut biex nattiraw niċċa bħal dik tal-family tourism. Din tippermetilna nindirizzaw l-istaġjonalità turistiku sabiex bħala pajjiż dejjem ikollha viżibilità promozzjonali mhux biss fix-xhur tas-sajf imma matul is-sena kollha,” kompla jgħid il-Ministru Bartolo.
Huwa elenka li meta jkollok pajjiż li jassoċja lilu nnifsu ma’ ażjenda mondjali bħal Nickelodeon huwa pass fid-direzzjoni t-tajba biex il-prodott turistiku tagħna jkompli jikber fil-kwalità tiegħu.
“Dan kollhu huwa pass importanti biex ‘Prodott Malta’ jibqa’ jiġġedded u fuq kollox jibqa’ kompettitiv. L-għan tagħna jibqa’ li Malta tkun kalamita ta’ attivitajiet internazzjonali li jattiraw kull faxxa tas-soċjeta Maltija u anke dik turistika,” temm jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.
Intant, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia tenna l-impenn tal-Awtorità biex Malta tkun ċentru ta’ kwalità għal kull min jiġi jżura.
Ritratti: DOI