Il-President Jesprimi T-Tħassib Li Ż-Żgħażagħ Jiddependu Mill-Midja Soċjali Biex Ifittxu Appoġġ Għas-Saħħa Mentali

 Il-President Jesprimi T-Tħassib Li Ż-Żgħażagħ Jiddependu Mill-Midja Soċjali Biex Ifittxu Appoġġ Għas-Saħħa Mentali

Il-President ta’ Malta George Vella esprima t-tħassib tiegħu li l-maġġoranza l-kbira taż-żgħażagħ li wieġbu għall-ewwel studju dwar is-saħħa mentali taż-żgħażagħ irrappurtaw li jiddependu mill-midja soċjali biex ifittxu appoġġ jew parir għall-problemi tagħhom.

Waqt li kien qiegħed jindirizza seminar bit-titlu “Taking Care of our Youth’s Mental Health” organizzat mill-Uffiċċju tal-President flimkien mal-Fondazzjoni Richmond, il-President Vella qal li huwa ta’ tħassib ukoll li l-maġġoranza l-kbira taż-żgħażagħ jesperjenzaw jew iħossu li huma affettwati mill-ansjetà. Filwaqt li esprima t-tħassib li hemm żgħażagħ li jħarsu lejn il-futur tagħhom b’mod pessimist, il-President ħeġġeġ li jeħtieġ li nserrħu ras iż-żgħażagħ tagħna li ma jimpurtax jekk xi drabi ma jħossuhomx tajjeb. F’dan ir-rigward, il-President Vella rrimarka li organizzazzjonijiet bħall-Fondazzjoni Richmond u oħrajn qegħdin hemm biex jipprovdu liż-żgħażagħ bl-għodod biex jegħlbu insigurtajiet bħal dawn u biex ikollhom biżżejjed fiduċja fil-ħiliet tagħhom li jibnu futur aħjar kemm fil-livell personali kif ukoll f’dak professjonali.

Il-President innota li l-istudju juri biċ-ċar li l-kuntentizza u l-benesseri taż-żgħażagħ huma marbuta direttament mal-appoġġ li jirċievu l-ewwel mill-familja tagħhom u mbagħad mill-ħbieb. Għalhekk, huwa ħeġġeġ li l-ġenituri u l-kustodji jeħtieġ li jkollhom il-mezzi u l-għodod biex ikunu jistgħu jiżguraw li l-adolexxenti u ż-żgħażagħ iħossu li tassew għandhom l-appoġġ meħtieġ u li hemm min jifhimhom. Il-President Vella qal ukoll li laqtu ħafna l-fatt ta’ kemm hemm bniet, minn età żgħira ħafna, li jħossuhom inkompetenti u anzjużi f’dak li jagħmlu, kemm fix-xogħol jew fl-istudju.

Fid-diskors tal-ftuħ tiegħu, il-President Vella qal li l-Barometru tas-Saħħa Mentali taż-Żgħażagħ imwettaq mill-Fondazzjoni Richmond, huwa bażi ta’ data tant meħtieġa li ser isservi bħala bażi biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet tal-grupp ta’ età studjat (13-il sena sa fuq l-20 sena), li huwa l-pilastru tas-soċjetà tagħna, kemm illum kif ukoll fil-futur. Il-President enfasizza li l-benesseri taż-żgħażagħ għandu jkun punt ċentrali f’kull politika li noħorġu.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com