“Malta Trid Tagħmel Aktar Biex Tbiddel L-UE Biex Tirrifletti Aħjar Ir-Realtajiet Tal-Gżejjer” – Peter Agius Fuq France 24
“Bis-sħubija fl-UE Malta kellha tgħaddi minn proċess li tadatta u tinbidel. F’ħafna oqsma s-sħubija fl-UE fetħet orizzonti ġodda, imma f’oqsma oħrajn irridu nagħrfu fejn fallejna. Aktar minn qatt qabel, irridu niżguraw li l-leġiżlazzjoni li tiġi abbozzata fi Brussell tirrifletti aħjar ir-realtajiet tal-gżejjer tagħna.” Dan qalu Peter Agius, kelliem tal-PN kif ukoll kandidat għall-MEP, meta kien intervistat fuq ‘Ici l’Europe’ (Hawn l-Ewropa), il-bullettin tal-Affarijiet Ewropej ta’ France 24, in-netwerk multinazzjonali tat-televiżjoni Franċiża li jilħaq udjenza ta’ 46 miljun telespettatur madwar id-dinja.
Waqt l-intervista li saret f’Marsaxlokk, bl-isfond tipiku ta’ flotta sabiħa tad-dgħajjes tas-sajd, Agius għamel paragun bejn ir-regoli tas-sajd tal-UE li jipproteġu l-ibħra iżda jimponu regoli dettaljati dwar l-attività tas-sajd u l-Proġett Electrogas eżatt quddiem il-bajja, li spiċċa proġett tas-servizz pubbliku b’allegazzjonijiet ta’ illegalità. ‘L-UE wriet lilha nnifisha b’saħħitha ħafna biex tirregola d-dettalji tal-kummerċ tas-sajjied iżda mbagħad bla saħħa biex tindirizza l-iskandlu tal-Electrogas.’ qal Agius.
Agius, uffiċjal tal-UE għal snin twal, spjega kif il-jiem bikrija tal-adeżjoni mal-UE ġabu magħhom tkabbir bla preċedent għal Malta u kif sar possibbli l-iżvilupp ta’ diversi industriji grazzi għas-suq miftuħ tal-UE. “Issa rridu nibdew ċiklu ieħor ta’ suċċess billi nisfruttaw oqsma ġodda ta’ tkabbir għal Malta. Dan isir dejjem aktar imperattiv hekk kif il-kompetittività tagħna fit-taxxa qed tiġi attakkata bi spinta kontinwa lejn l-armonizzazzjoni tat-taxxa Ewropea. Nemmen li filwaqt li t-taxxa ġusta hija kwistjoni li għandha titpoġġa fuq il-mejda tal-Ewropa hekk ukoll għandha titpoġġa l-kompetittività tal-gżejjer u tal-istati insulari bħal Malta. Il-mudell Ewropew irid jieħu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet partikolari tat-territorji maqtugħa mis-suq intern. Huwa għalhekk li iktar kmieni pproponejt l-inklużjoni sistematika ta’ test ta’ insularità għal-leġiżlazzjoni ġdida tal-UE li tal-inqas għandu jiżen il-piżijiet addizzjonali li kull leġislazzjoni ġdida titfa’ fuq il-gżejjer”, insista Agius.
Caroline de Camaret, editur għall-Affarijiet Ewropej ma’ France 24 staqsiet lil Agius dwar investimenti Ċiniżi, Torok, Russi u pajjiżi terzi oħra f’Malta u jekk dawn jitfgħux dell fuq il-vokazzjoni Ewropea ta’ Malta. ‘Is-sħubija fl-UE m’għandhiex tillimita l-potenzjal ta’ Malta għall-Investiment Barrani Dirett. Irridu nibqgħu miftuħa għal investimenti minn pajjiżi terzi. Investimenti minn pajjiżi terzi għandhom madankollu jiġu vverifikati u soġġetti għal skrutinju tal-UE meta dawn ikunu relatati ma’ infrastruttura kritika bħall-enerġija jew in-netwerks tal-internet. M’għandniex noħonqu l-investiment b’regoli artifiċjali iżda fl-istess ħin m’għandniex inkunu ingenwi u npoġġu l-integrità Ewropea f’riskju’, temm jgħid Dott. Agius.
L-intervista ma’ Dott. Peter Agius se tixxandar fuq żewġ stazzjonijiet ta’ France 24, wieħed immirat għal udjenza internazzjonali bl-Ingliż u l-ieħor biex jixxandar Franza u pajjiżi oħra li jitkellmu bil-Franċiż.