Imut Il-Professur Rizzo Naudi – Tabib Maħbub U Eks Segretarju Parlamentari

 Imut Il-Professur Rizzo Naudi – Tabib Maħbub U Eks Segretarju Parlamentari

Dalgħodu tħabbret il-mewt tal-Professur John Rizzo Naudi. Huwa kien tabib kif ukoll politiku fejn ħadem partikularment fis-settur tas-saħħa u l-anzjani.

Huwa miet matul dan il-lejl fl-età ta’ 96 sena.

Il-Professur Rizzo Naudi kien elett għall-ewwel darba fil-Parlament fl-1976 u dam sal-1995.

Diversi politiċi sellmu l-memorja ta’ John Rizzo Naudi fosthom il-Kap tal-PN Bernard Grech fejn qal li l-Professur Rizzo Naudi kien politiku li għamel ħafna ġid.

Il-Ministru Jo Etienne Abela qal li l-Professur Rizzo Naudi ħalla kontribut eċċellenti bħala tabib fil-qasam tal-mediċina, bħala għalliem u kanċillier tal-Università ta’ Malta u mhux inqas, bħala Segretarju Parlamentari inkarigat mill-kura tal-Anzjani.

Id-Deputat David Agius ukoll permezz tal-mezzi soċjali tiegħu kiteb dwar il-Professur Rizzo Naudi.

“Raġel ta’ veru, tabib li ħa ħsieb u fejjaq diversi nies u politiku maħbub minn kulħadd. Ħadem u għamel il-ġid f’pajjiżna u barra minn pajjiżna,” tenna Agius.

“Ħalliena l-eks Segratarju Parlamentari John Rizzo Naudi; tabib maħbub u wieħed mill-pilastri tal-gvernijiet illi mexxa Eddie Fenech Adami.” Hekk kiteb id-Deputat Jerome Caruana Cilia fuq il-mezzi soċjali tiegħu wara l-aħbar tal-mewt.

Huwa qal li l-Professur Rizzo Naudi kien l-ewwel Segretarju Parlamentari ffukat speċifikament għall-anzjani u fi żmienu kien sar xogħol kbir biex tissaħħaħ il-ħidma f’dan is-settur tant importanti.

Strieħ fis-sliem.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com