Il-PN Jikkundanna L-Qtil Illegali Ta’ Numru Ta’ Għasafar
“Fi ftit jiem biss ġew irrapurtati żewġ inċidenti differenti li jirriflettu atti irresponsabbli ta’ kaċċa llegali minn persuni li għadhom ma ġewx identifikati.”
Il-Kelliema tal-PN għall-Ambjent, Ħolqien ta’ Spazji Ġodda u Drittijiet tal-Annimali, Janice Chetcuti flimkien mal-Kelliem tal-PN għad-Delizzji u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja, Charles Azzopardi fi stqarrija qalu li f’żewġ inċidenti separati ġew midruba 10 tajr protett magħruf bħala Bagħdan l-Aħmar. Dawn instabu midruba u wħud minnhom maqtula fl-inħawi ta’ Delimara f’Marsaxlokk. “Dan it-tip ta’ tajr isib kenn f’dawn l-inħawi fiż-żmien tar-Rebbiegħa. Huwa att kriminal li jiġu kkaċjati,” saħqu l-Kelliema tal-PN.
Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna dan il-att barbaru u għalkemm jifhem, jirrispetta u jaċċetta r-riżultat demokratiku li nkiseb favur ir-Referendum favur il-kaċċa tas-sena 2015, ma jista’ jittollera qatt dan it-tip ta’ abbuż.
Hemm bżonn ta’ aktar infurzar u sistemi kontinwi ta’ patrolling f’dawn l-ispazji biex b’hekk l-abbuż jiġi finalment ikkontrollat. Il-PN temm jgħid li bħala pajjiż hemm bżonn li nkunu konformi ma’ dak li titlob il-liġi f’dan ir-rigward u allura li min jinqabad iwettaq dawn l-atti kriminali jiġi ppenalizzat kif titlob il-liġi.