Ħaddiem Ta’ 25 Sena Jmut Wara Li Waqa’ Minn Għoli F’San Ġwann
Żagħżugħ Sirjan ta’ 25 sena tilef ħajtu traġikament f’sit ta’ kostruzzjoni wara li waqa’ minn għoli ta’ madwar żewġ sulari.
L-aċċident seħħ dalgħodu, għall-ħabta tat-8:30am, fi Triq il-Gallina, San Ġwann.
Il-Pulizija marret fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li l-vittma li joqgħod Birkirkara kien waqa’ minn għoli ta’ madwar żewġ sulari waqt li kien qed jagħmel xi xogħol.
Tim mediku assista lir-raġel, iżda sfortunatament kien iċċertifikat mejjet fuq il-post.
Bil-każ ġie nfurmat l-Maġistrat tal-Għassa Dr Noel Bartolo li fetaħ inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.