Jindarab Gravi Wara Ħabta Bejn Mutur U Karozza F’Santa Venera
Sewwieq ta’ mutur ta’ 49 sena mix-Xewkija sofra ġrieħi gravi wara ħabta ma’ karozza.
L-aċċident seħħ aktar kmieni llum, għall-ħabta ta’ nofsinhar, fi Triq il-Ferrovija, Santa Venera.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li seħħet ħabta bejn Mercedes Benz C250, misjuqa minn raġel ta’ 37 sena residenti l-Imsida, u mutur Suzuki GW250, misjuq mill-vittma.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet lix-xufier tal-mutur l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.