Għawdex Formalment Japplika Biex Jissieħeb Fl-Island Games
Waqt laqgħa li saret fil-Ministeru għal Għawdex bejn il-Ministru Clint Camilleri u delegazzjoni mill-International Island Games Association (IIGA), saret applikazzjoni formali biex Għawdex jissieħeb f’dan l-avveniment sportiv internazzjonali.
Waqt din il-laqgħa, il-Ministru Clint Camilleri qal li preżentement f’Għawdex qed isir l-akbar investiment sportiv li qatt rat il-gżira Għawdxija fil-bini ta’ pixxina olimpika fil-magħluq u padiljun sportiv ġdid li jilħaq il-kredenzjali taż-żminijiet tal-lum. Il-Ministru Camilleri spjega kif dan mhuwiex l-uniku investiment li qed jaħdem fuqu l-Ministeru għal Għawdex fil-preżent, għaliex fil-futur qrib hemm il-ħsieb li jibda x-xogħol tal-immodernizzar tal-korsa taż-żwiemel f’ta’ Xħajma kif ukoll fix-shooting range taż-Żebbuġ. Il-Ministru qal li l-ministeru hu kommess ikompli jinvesti fl-isport f’Għawdex.
Il-Ministru Camilleri faħħar il-ħidma li qed issir mill-Gozo Sports Board, fejn dak l-isports li qabel ma tantx kien segwit qed jingħata l-attenzjoni li jixraqlu. Irrimarka li permezz tal-għajnuniet u skemi intiżi għal sportivi Għawdxin, bosta atleti qed jagħmlu isem kemm għalihom kif ukoll għal Għawdex fuq skala nazzjonali kif ukoll internazzjonali.
Il-Ministru Clint Camilleri awgura li l-applikazzjoni ta’ Għawdex biex jissieħeb f’din il-komunità sportiva u eventwalment igawdu minnha l-atleti Għawdxin tintlaqa’ mill-Kumitat Eżekuttiv tal-IIGA.
Il-Membri tal-Eżekuttiv tal-IIAG żaru x-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fuq is-sit tal-pixxina olimpika u l-padiljun sportiv fil-Belt Victoria. Huma qalu li f’Għawdex qed isir progress kbir fl-infrastruttura sportiva u wrew l-apprezzament u s-sodisfazzjon tagħhom għall-ħeġġa u d-determinazzjoni tal-gvern sabiex l-atleti Għawdxin ikollhom l-aħjar faċilitajiet u anke jikkompetu fil-logħob tal-International Island Games.
L-International Island Games ġew organizzati għall-ewwel darba f’1985. Preżentement, 23 gżira minn madwar id-dinja jieħdu sehem f’dawn il-logħob li jiġu organizzati kull sentejn. L-edizzjoni li jmiss ser tinżamm is-sena d-dieħla f’Guernsey, gżira li tifforma parti mir-Renju Unit.
Ritratti: DOI