Kantanta Ingliża-Maltija Tinawgura Ċentru Innovattiv Tal-Awtiżmu Fl-Ingilterra
Il-kantanta tal-opra ta’ fama internazzjonali u patruna tal-Autism Unlimited, Sophia Grech, li hi stess kienet iddijanjostikata bl-awtiżmu fl-età ta’ 45 sena, inawgurat uffiċjalment il-Chris Page Centre (CPC). Dan hu ċentru ġdid ta’ valutazzjoni u dijanjosi mmexxi minn esperti ta’ Autism Unlimited f’Dorset. Kull sena, dan iċ-ċentru se jkun qed iwitti t-triq għal dijanjosi tal-awtiżmu aktar mgħaġġla u esperta għal mijiet ta’ persuni.
Ir-riċerka klinika turi li d-dijanjosi, l-interventi, l-edukazzjoni u l-appoġġ bikri tal-awtiżmu jistgħu litteralment jittrasformaw għall-aħjar il-ħajjiet, billi jagħtu ċarezza lin-nies bl-awtiżmu u joffru trattamenti ċari, appoġġ u benessri għal dawn il-persuni u qrabathom. Madankollu, bil-ħinijiet ta’ stennija għad-dijanjosi tal-NHS ta’ madwar tliet snin, ħafna nies fl-Ingilterra bħalissa qegħdin ikunu mġiegħla jsofru perjodi twal ta’ iżolament u tbatijiet minħabba d-diffikultajiet soċjali, edukattivi u ta’ mġieba tagħhom.
Bħala organizzazzjoni ewlenija tal-karità għall-awtiżmu fl-Ingilterra għal aktar minn 50 sena, Autism Unlimited tinsab fuq quddiemnett fl-appoġġ tagħha għal persuni bl-awtiżmu biex jitgħallmu jgħixu bil-potenzjal sħiħ tagħhom.
Permezz tal-Chris Page Centre, li hu bbażat fuq l-istess sit tal-karità speċjalizzata Portfield School f’Parley, Christchurch, Autism Unlimited se tippermetti lill-persuni bl-awtiżmu minn madwar l-Ingilterra biex jevitaw b’mod effettiv il-ħinijiet ta’ stennija tal-NHS għall-valutazzjoni u d-dijanjosi tagħhom dwar l-awtiżmu.
B’tim espert, iċ-ċentru jista’ wkoll jipprovdi lill-adulti, tfal u familji b’appoġġ tant meħtieġ ta’ wara d-dijanjosi permezz tas-servizz tiegħu Community Connect, li joffri introduzzjonijiet lil organizzazzjonijiet oħra bħal gruppi lokali ta’ appoġġ għall-awtiżmu, kif ukoll aċċess għal-librerija ta’ informazzjoni estensiva ta’ Autism Unlimited stess.
Siún Cranny, Kap Eżekuttiv ta’ Autism Unlimited, beħsiebu tkabbar iċ-ċentru f’sors ewlieni ta’ dijanjosi u appoġġ għall-komunità kollha tal-awtiżmu, inklużi t-tfal. Hi qalet: “Aħna kburin immens li ftaħna ċ-Ċentru Chris Page u grati ħafna lit-tim kollu li ħadem bla heda biex dan iċ-ċentru jsir realtà. Dan se jkollu impatt pożittiv qawwi fuq tant ħajjiet.
“Ladarba jkunu djanjostikati, ħafna nies bl-awtiżmu mhux biss se jkunu jistgħu jifhmu lilhom infushom aħjar, imma se jirrealizzaw li mhumiex waħedhom fil-mod kif iħossuhom. Se jkunu jistgħu jistabbilixxu l-miri tagħhom stess u jkunu fiduċjużi li jkunu jafu li għandhom it-tekniki u s-sistemi li se jgħinuhom. Il-familji tagħhom u l-professjonisti li jaħdmu magħhom jistgħu wkoll jitgħallmu kif l-aħjar li jappoġġjawhom.”
Autism Unlimited issa tixtieq tisma’ minn aktar speċjalisti li jistgħu jġibu l-kompetenzi tagħhom fiċ-ċentru, kif ukoll mingħand membri tal-pubbliku u negozji, ħerqana li joffru appoġġ għall-ġbir ta’ fondi u sponsorships.
Sophia Grech, mezzo soprano Ingliża-Maltija, qalet: “Id-dijanjosi pprovdiet tant risposta għal mistoqsijiet tiegħi, għenitni nifhem min jien u tatni ċ-ċarezza li dejjem fittixt. Permezz tad-dijanjosi tiegħi, ħajti nbidlet ħafna għall-aħjar, kemm fil-ħajja ta’ kuljum kif ukoll fil-karriera tiegħi: bidliet pożittivi li tejbu ħafna ħajti u l-mod kif inħossni u ngħix.”
Is-CPC sar possibbli permezz ta’ legat mill-wirt ta’ Chris Page. It-tifel ta’ Chris, Nicholas, kien student fl-Iskola ta’ Portfield u Chris u aktar tard sar Trustee u hu anki persuna attiva ħafna favur Autism Unlimited.
Il-mezzo sopran Sophia Grech qed tippjana li terġa’ żżur Malta f’Ġunju 2022. Aktar tagħrif jinkiseb fuq 9942 7457.
Photocaption: Il-mezzo sopran Sophia Grech