‘Art In Public Spaces’ – 6 Biċċiet Ta’ Xogħol Artistiku Li Se Jitpoġġew F’6 Lokalitajiet Madwar Pajjiżna

 ‘Art In Public Spaces’ – 6 Biċċiet Ta’ Xogħol Artistiku Li Se Jitpoġġew F’6 Lokalitajiet Madwar Pajjiżna

Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbar id-dettalji dwar il-programm ‘Art in Public Spaces’ b’investiment ta’ €180,000 u li se jiġi ffinanzjat mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, fi ħdan il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal, “Permezz ta’ dan il-programm li qed inħabbru llum qed inkomplu nipprovdu lill-artisti tagħna aktar modi kif jistgħu jkomplu jesprimu t-talenti tagħhom.” Żied jgħid li l-għan ta’ dan il-programm hu li jkomplu jiġu installati opri artistiċi qrib il-komunitajiet u b’hekk, pajjiżna jkun jista’ jgawdi minn xogħlijiet mill-isbaħ ta’ diversi artisti.

Il-ministru tenna li permezz ta’ dan il-programm se jkunu qed jingħażlu sitt biċċiet ta’ xogħol artistiku li se jitpoġġew f’sitt lokalitajiet madwar pajjiżna. Dan ser iwassal biex jissebbħu spazji miftuħa fil-lokalitajiet ħalli jitgawdew mir-residenti u mill-familji, bħala parti mill-ħidma tal-gvern għall-kwalità tal-ħajja tan-nies.

“Inħeġġeġ lill-artisti biex japplikaw għal dan il-programm ‘Art in Public Spaces’ sabiex ix-xogħlijiiet tagħhom ikunu jistgħu jitgawdew mill-pubbliku,” temm jgħid il-Ministru Zrinzo Azzopardi.

Iċ-Chairman tal-bord tal-għażla, il-Perit Ray Farrugia qal, “Dan huwa programm maħsub biex ikun hemm kollaborazzjoni bejn l-artisti u l-kunsilli lokali. Fil-fatt f’kull proġett l-artist jinvolvi kemm jista’ jkun lill-kunsill u anke lill-komunità.”

Mill-applikazzjonijiet għal dan il-programm se jingħażlu massimu ta’ sitt proġetti li huma xogħol ta’ sitt artisti jew gruppi ta’ artisti differenti. Kull proġett hu eliġibbli għal allokazzjoni massima ta’ €30,000 inklussiva mill-VAT u li tkopri varjetà kbira ta’ spejjeż li jista’ jkollhom l-artisti fir-rigward tal-proġett.

Għal min hu interessat se jkun hemm laqgħa informattiva nhar il-Ħamis 12 ta’ Mejju, 2022 fis-18:00 ta’ filgħaxija, fi Studjo B tal-Kavallier ta’ San Ġakbu, Misraħ Kastilja, il-Belt Valletta. L-iskadenza għas-sottomissjonijiet hija nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Ġunju 2022.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com