PlugAndPlay Tiffirma Memorandum Ta’ Ftehim Ma’ Quantum Foundation U Malta Enterprise

 PlugAndPlay Tiffirma Memorandum Ta’ Ftehim Ma’ Quantum Foundation U Malta Enterprise

PlugAndPlay, l-Accelerator Programme wara Dropbox u PayPal, fost oħrajn, iffirmat ftehim ma’ Quantum Foundation u l-Malta Enterprise biex tibda topera minn Malta.

B’network ta’ aktar minn 30,000 startup u aktar minn 500 kumpanija magħrufa madwar d-dinja, PlugAndPlay isservi bħala Accelerator Programme għall-istartups u tgħinhom jikbru b’mod aktar spedit billi toffri programmi ta’ aċċellerazzjoni, b’konnessjoni ma’ ekosistemi ta’ innovazzjoni u investimenti.

“Il-fatt li dan il-programm globali jinsab f’Malta huwa tragward ieħor importanti għal pajjiżna, u b’mod partikolari għall-proġett ‘Start In Malta’ li twaqqaf sena ilu”, sostniet il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli.

“Li nkomplu nattiraw l-istartups lejn pajjiżna jibqa’ fattur importanti. Fl-istess ħin irridu nassiguraw li l-istartups li huma diġà bbażati f’pajjiżna jkollhom rwol importanti fl-iżvilupp tal-ekosistema tal-istartups f’pajjiżna. Għalhekk, dan l-accelerator se jkun qed jipprovdi l-appoġġ meħtieġ lill-istartups u scale-ups, inkluż aċċess għal programmi ta’ mentoring u klijenti potenzjali.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise Kurt Farrugia enfasizza l-impenn lejn l-startups. “Bħala Malta Enterprise ġeddidna waħda mil-iskemi finanzjarji, Startup Finance, u għaddejjin b’dikussjonijiet biex naraw kif nistgħu naġġornawha. Dan il-ftehim ma’ Quantum Foundation u PlugAndPlay huwa tragward ieħor importanti għall-ekosistema Maltija biex noffru aktar opportunitajiet lill-istartups.”

Gareth Jenner, il-Kap Eżekuttiv ta’ TrustStamp, qal li Quantum Foundation twaqqfet biex tkun mgħejuna din l-ekosistema f’Malta. “PlugAndPlay hija magħrufa madwar id-dinja, u d-deċiżjoni tagħhom biex jiġu Malta hija tragward importanti għall-imprendituri Maltin u l-pajjiż”, qal Gareth Jenner.

Omeed Mehrinfar, id-Direttur Maniġerjali ta’ PlugAndPlay, qal li din għażlet lil Malta biex tagħti l-appoġġ tagħha lill-istartups biex joperaw minn Malta u lil hinn.

“Nafu li Malta qed timmira li tkun hub fi strateġiji varji u b’dan l-mod iridu kumpaniji internazzjonali li jkollhom preżenza f’Malta u jarawh bħala ċ-ċentru li jgħaqqadhom mal-Ewropa u l-kumplament tad-dinja”, qal Mehrinfar.​​

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com