Matul L-2021 Kien Hemm Mat-3.5 Miljun Interazzjoni Bejn Il-Pubbliku U Servizz.gov
L-istrateġija l-ġdida tas-Servizz Pubbliku għall-ħames snin li ġejjin bdiet tiġi implimentata permezz ta’ konferenza li saret ilbieraħ bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2022, bit-tema ‘Ninvestu fil-Kwalità’. Il-konferenza ffokat fuq l-Intelliġenza Artifiċjali, id-Dejta u l-Informazzjoni, u l-Faċilizzazzjoni tas-Servizz, bil-parteċipanti jinqasmu f’cohorts li ddiskutew il-miżuri elenkati fl-istrateġija li huma marbutin ma’ dawn l-oqsma.
F’diskors li għamel fil-bidu tal-konferenza, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li l-istrateġija “Lejn Servizz ta’ Eċċellenza” fiha 45 miżura li jkomplu jibnu fuq dak li twettaq f’dawn l-aħħar disa’ snin biex is-Servizz Pubbliku jasal għal wieħed ta’ eċċellenza. Fost il-miżuri diskussi llum kien hemm ir-rwol tal-Intelliġenza Artifiċjali fis-Servizz Pubbliku, il-kejl u titjib tal-kunċett ‘First Contact Resolution’ biex klijent jinqeda mill-ewwel, u t-twettiq ta’ miżuri oħra bħall-Once Only Principle, fejn klijent jagħti l-informazzjoni dwaru nnifsu darba biss, u mhux jirrepeti l-istess informazzjoni fuq formoli varji għal servizzi differenti.
Is-Sur Cutajar qal li l-possibbiltajiet li tiftaħ it-teknoloġija huma bla limitu u l-benefiċċji tagħha jinkludu servizz personalizzat, proċessi eħfef u deċiżjonijiet aktar infurmati għax imsejsin fuq dejta xjentifika. Ix-xogħol kbir li sar f’dawn l-aħħar disa’ snin biex is-Servizz Pubbliku ma jibqax sors ta’ taħbil il-moħħ għall-klijenti iżda jaqdihom f’kull ħin u minn kullimkien, huwa dovut fil-parti l-kbira għall-investiment bla preċedent li sar fit-teknoloġija.
L-istrateġija l-ġdida li issa bdiet tiġi implimentata telenka miżuri li se jirrevoluzzjonaw il-mod kif is-Servizz Pubbliku jiġġestixxi u jżomm id-dejta. Fl-istess waqt, f’kull pass li jsir trid tingħata prijorità lill-etika u lill-kontabbiltà b’tali mod li l-klijent se jingħata l-opportunità li jkollu aċċess għad-dejta li għandu dwaru s-Servizz Pubbliku, ikun jaf kif u meta ntużat, u minn min. Il-klijent se jinżamm infurmat ukoll dwar fiex waslu l-applikazzjonijiet jew it-talbiet tiegħu in real time, fost miżuri oħra, qal is-Sur Cutajar.
Huwa semma’ wkoll kif matul l-2021 kien hemm mat-3.5 miljun interazzjoni bejn il-pubbliku u servizz.gov, b’272,000 walk-in fil-hubs reġjonali, 833,500 telefonata, 44,600 email, 54,200 download tal-Maltapps, u 2.5 miljun website view.
Qabel il-konferenza ġie ffirmat memorandum of understanding li jipprovdi għal taħriġ lill-uffiċjali pubbliċi li jwassal għal aktar għarfien fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali.
Ritratti: DOI