Il-President Jisħaq Fuq Il-Valur Tal-Lealtà Lejn Is-Servizz U L-Klijent Fis-Servizz Pubbliku

 Il-President Jisħaq Fuq Il-Valur Tal-Lealtà Lejn Is-Servizz U L-Klijent Fis-Servizz Pubbliku

Il-President ta’ Malta George Vella qal li permezz tal-‘infrastruttura’ tas-Servizz Pubbliku, pajjiżna dejjem laħaq l-għanijiet lokali tiegħu u anke sab postu fix-xena globali, minkejja ċ-ċokon tiegħu.

Waqt iċ-Ċerimonja tal-Għoti ta’ Rikonoxximent għas-Servizz Pubbliku, parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, il-President Vella rrefera għaż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta, li fissirha bħala waħda ta’ suċċess mil-lat organizzattiv, grazzi għar-reqqa u d-dettall li bihom is-Servizz Pubbliku u l-uffiċjali involuti daħlu għaliha. “Ġibtu ġieħ lil Malta. Għajnejn id-dinja f’dawk il-ġranet kienu fuq Malta. Ta’ dan ħaqqkom prosit kbira,” qal il-President.

Il-President Vella rrimarka li l-istrateġija l-ġdida tas-Servizz Pubbliku għandha fil-qalba tagħha numru u valuri bħalma huma l-integrità u l-imparzjalità, u saħaq fuq il-valur tal-lealtà lejn is-servizz u l-klijent, li qal ma jfissirx li wieħed jgħid iva għal kollox u jaqbel ma’ kull deċiżjoni. “Ħafna drabi din tfisser il-maqlub – li taqsmu l-opinjoni u l-ħsieb infurmat tagħkom, anke jekk tafu li dan mhux ħa jinżel għasel ma’ ta’ fuqkom jew ta’ madwarkom.” Il-President żied li huwa kruċjali li s-Servizz Pubbliku jkompli jieħu ħsieb l-impjegati tiegħu billi juri flessibilità permezz ta’ miżuri li jilħqu billanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, u sakemm huwa possibbli jħares l-interessi tal-impjegati li għaddejjin minn sfidi ta’ mard fiżiku, psikoloġiku, jew anke diffikultajiet ekonomiċi bla preċedent. B’referenza għall-inizjattiva mnedija mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, ‘X’tixtieq issir la tikber?’, il-President qal li tajjeb li minn ċkunithom it-tfal jingħataw is-sens ta’ apprezzament għal kull xogħol għax kulħadd għandu użu u post fis-soċjetà.

Waqt li radd ħajr lill-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku għad-dixxiplina u l-ħidma tagħhom matul il-pandemija tal-Covid-19, il-President fakkarhom li l-impatt tal-gwerra fl-Ukrajna fuq il-komunità globali huwa wieħed serju. “Dan it-taqlib jitlob minnkom kollha fis-Servizz Pubbliku, kulħadd skont il-qasam u r-responsabbiltajiet tagħkom, ippjanar u viżjoni soda, biex kemm jista’ jkun jiġi evitat jew jitnaqqas il-piż fuq l-individwu u l-familji,” qal il-President.

Il-President Vella feraħ lill-uffiċjali ppremjati, u appellalhom biex imexxu b’eżempju għal dawk ta’ madwarhom, u jħallu impatt pożittiv kemm mil-lat professjonali kif ukoll personali fuq il-kollegi tagħhom.

Ritratti: OPR

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com