F’Malta Hawn Reġistrati 665 Ajruplan – Tkabbir Ta’ 500% Matul L-Aħħar 10 Snin

 F’Malta Hawn Reġistrati 665 Ajruplan – Tkabbir Ta’ 500% Matul L-Aħħar 10 Snin

665 ajruplan huma reġistrati f’Malta, li jfisser tkabbir ta’ 500% matul l-aħħar għaxar snin.

Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia fil-preżenza taċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Transport Malta Joe Bugeja u d-Direttur Ġenerali għad-Direttorat għall-Avjazzjoni Ċivili, il-Kaptan Charles Pace.

“Minkejja l-impatt tal-pandemija, in-numru ta’ ajruplani rreġistrati f’Malta u n-numru ta’ kumpaniji li jġibu n-negozju tagħhom lejn pajjiżna fil-fatt komplew jikbru. Il-fattur sottostanti huwa s-saħħa u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna f’dan is-settur, l-impenn tal-gvern, kif ukoll il-ħidma eċċellenti tad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili (CAD) fi ħdan Transport Malta,” qal il-Ministru Farrugia.

Il-Ministru Farrugia spjega li r-riċetta għas-suċċess f’dan il-qasam hija r-reputazzjoni, is-sostenibbiltà, l-effiċjenza u l-innovazzjoni. Spjega li ż-żieda fin-numru ta’ ajruplani reġistrati hija fiha nnifisha sinjal ċar ta’ fiduċja minn numru sostanzjali ta’ kumpaniji li jaraw lil Malta bħala l-post fejn jikkonsolidaw u jespandu l-operat tagħhom. Hu qal li dan it-tip ta’ investiment barrani dirett huwa importanti għal Malta peress li jistimula t-tkabbir ekonomiku u jipprovdi opportunitajiet ta’ xogħol.

“Li tibni reputazzjoni tajba fis-settur huwa importanti ħafna, hekk kif inhu importanti li ma nkunux kompjaċenti. Inwiegħed li ħa nnaqsu l-burokrazija żejda kemm jista’ jkun. Jeħtieġ li nibqgħu ffukati u effiċjenti, inwasslu prodott f’waqtu u b’mod kost-effettiv. Bħala gvern irridu nisimgħu, inkunu fuq quddiem fis-settur u nkomplu nsostnu l-kompetenza. Ma nistgħux nibqgħu mwaħħlin fil-passat u rridu nieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi biex ir-regolaturi jkunu jistgħu jagħmlu xogħolhom u jilħqu l-aspettattivi tal-industrija. Bosta qalulna wkoll li Malta hija l-ġurisdizzjoni ppreferuta fl-Ew​ropa, aktar minn ġurisdizzjonijiet li huma ħafna akbar. Iżda dan it-tkabbir jeħtieġ li jkun sostenibbli, kemm fiskalment kif ukoll mill-aspett ambjentali, hekk kif inkomplu nimbuttaw lil pajjiżna lejn tranżizzjoni ekoloġika mingħajr ma nxekklu l-konnettività tagħna, filwaqt li nkomplu nsaħħu l-prodott turistiku tagħna,” stqarr il-Ministru.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com