“Trasformazzjoni Assoluta Li Wasslet Għall-Għoti Ta’ Servizz Ta’ Eċċellenza” – Il-PM Robert Abela
“It-trasformazzjoni assoluta li għadda minnha s-Servizz Pubbliku f’dawn l-aħħar disa’ snin wasslet għall-għoti ta’ servizz ta’ eċċellenza. Issa, bit-tfassil tal-aħħar strateġija li bdiet titwettaq, se nkomplu nħarsu ‘l quddiem b’ambizzjoni biex pajjiżna jkompli jikseb ir-riżultati,” qal il-Prim Ministru Robert Abela meta indirizza konferenza għall-kapijiet tas-Servizz Pubbliku bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2022, li għandha t-tema ‘Ninvestu fil-Kwalità’.
Huwa żied jgħid li s-Servizz Pubbliku kien u se jibqa’ l-mutur ta’ ħafna mir-riformi li twettqu u li se jitwettqu fiż-żmien li ġej. Saħaq li l-amministrazzjoni pubblika u l-impjegati tagħha huma kruċjali biex pajjiżna jilħaq livelli ġodda u l-aspirazzjonijiet tal-Maltin u tal-Għawdxin.
Dr Abela qal li l-investiment fir-riżorsi umani, fl-għodda u fit-teknoloġija se jkompli għaddej. “Għaliex l-għaqal ma jfissirx li ma tinvestix kemm hemm bżonn, iżda jfisser li tonfoq fejn hemm bżonn,” sostna l-Prim Ministru filwaqt li radd ħajr lis-Servizz Pubbliku ta’ ħidmietu u talli qalbu dejjem tħabbat għan-nies u għas-servizz tiegħu.
“Il-mira għandha tkun li nkomplu ngħollu l-perċentwal tal-kuntentizza bis-Servizz Pubbliku” – is-Segretarju Permanenti Ewlieni
“Għalkemm huwa minnu li ċ-ċifra tal-Eurobarometer li 70% tan-nies f’pajjiżna huma kuntenti bis-Servizz Pubbliku hija figura għolja u l-aqwa waħda fin-naħat tagħna, hemm pajjiżi b’ċifri ogħla. Il-mira tagħna għandha tkun li nilħqu lil dawn il-pajjiżi, b’ċifri li jmissu t-80% jew ogħla”, qal is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, meta indirizza l-konferenza għall-kapijiet tas-Servizz Pubbliku bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2022.
Huwa żied jgħid li l-ekonomija u l-pajjiż ma jistgħux jagħmlu avvanzi kbar ‘il quddiem jekk is-Servizz Pubbliku ma jkunx magna li twettaq, li tħaffef u tħoll id-diffikultajiet u mhux toħloqhom, li tħejji l-ambjent biex il-poplu jgħix aħjar f’kull aspett tal-ħajja tiegħu.
Is-Servizz Pubbliku għandu żewġ lealtajiet – dik lejn kull min jieħu s-servizz li jipprovdi, li tissarraf f’servizzi bla taħbil il-moħħ, u dik lejn il-gvern tal-ġurnata li tela’ demokratikament bil-vot tan-nies u għandu programm xi jwettaq. Dak il-programm irid jinbidel mis-Servizz Pubbliku fi pjani u implimentazzjoni. Dawn iż-żewġ lealtajiet jingħaqdu f’servizz wieħed għall-pajjiż, għal Malta aħjar u għal ġejjieni mill-aqwa, qal is-Sur Cutajar.
Huwa tkellem dwar l-istrateġija l-ġdida ‘Lejn Servizz ta’ Eċċellenza’ li bdiet tiġi implimentata matul din il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku u qal li din għandha viżjoni ċara – Servizz Pubbliku bla skossi u bla taħbil il-moħħ, jiġifieri servizz ta’ eċċellenza. Il-viżjoni se titwettaq permezz ta’ 45 miżura li fosthom hemm 18 li jindirizzaw l-investiment fil-kwalità innifisha, fost oħrajn bl-għajnuna tal-Intelliġenza Artifiċjali, il-Once Only Principle u s-single point of entry; 17-il miżura li jindirizzaw is-sostenibbiltà, bil-ħolqien ta’ reġistru ċentrali, ir-remote working u l-għarfien tal-esperjenza fit-titjib tal-karriera; u 10 miżuri li jindirizzaw il-kontabbiltà, li issa trid tieħu importanza ġdida bl-użu akbar tad-dejta.
Is-Sur Cutajar qal li miġbura flimkien, dawn huma miżuri li jduru man-nies, mal-investiment qawwi fit-teknoloġija u mat-titjib tas-servizz. Miżuri li jagħmlu din l-istrateġija l-ewwel tax-xorta tagħha għax tiġbor l-elementi ewlenin li jsawru s-Servizz Pubbliku, b’viżjoni waħda għall-organizzazzjoni kollha kemm hi.