Imniedi Proċess Ta’ Konsultazzjoni Relatat Mal-Proġett Tal-Gozo Rural Airfield
Il-Ministeru għal Għawdex, permezz tal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex, nieda proċess ta’ konsultazzjoni relatat mal-proġett propost tal-Gozo Rural Airfield fix-Xewkija.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li dan il-gvern, tul il-leġiżlatura preċedenti, ta importanza lill-konnettività bejn il-gżejjer hekk kif saħħaħ il-flotta tal-Gozo Channel, nieda servizz ġdid ta’ fast ferry mill-Imġarr sal-Belt Valletta u saħħaħ ukoll il-konnettività diġitali bit-tqegħid tat-tieni fiber optic cable.
“Issa jmiss li nħarsu lejn mezzi oħra ta’ trasport u kien għalhekk li llum qed inniedu proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-proposta ta’ Rural Airfield għal Għawdex, biex b’hekk inkunu qed noffru mezz ieħor ta’ konnettività”, tenna l-Ministru Clint Camilleri. Huwa kompla li l-proġett propost ser isir b’rispett sħiħ lejn l-ambjent tal-gżira sabiex l-impatt ikun minimu iżda jilħaq l-ambizzjonijiet li għalih qed jiġi propost. “Qed nipproponu li l-airstrip titwal sa massimu ta’ 450 metru u b’hekk nassiguraw li din tintuża biss minn ajruplani żgħar. Apparti dan, l-‘aprons’ ser ikunu magħmula minn reinforced grass b’rispett sħiħ lejn l-ambjent,” qal il-Ministru Camilleri.
Il-Ministru għal Għawdex saħaq li ebda art addizzjonali mhi ser tittieħed u li dan il-proġett ser isir f’żona li bħalissa hija lok ta’ abbuż, fejn fil-passat intrema skart tal-kostruzzjoni u li ġiet skedata biex tintuża bħala airfield mill-awtoritajiet fil-pjani tal-iżvilupp.
Il-Ministru Camilleri qal li b’dan l-investiment, il-gvern qed iħares li joħloq niċeċ ekonomiċi ġodda f’Għawdex biex b’hekk inkomplu niddiversifikaw l-attività ekonomika u jinħolqu aktar impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità.
Is-Sur Mario Borg, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex, qal li l-awtorità għandha rwol ċentrali fil-proġett propost hekk kif se tmexxi proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, kif stabbilit fl-Att Legali li twaqqfet bih. Permezz ta’ dan il-proċess, l-awtorità ser tkun f’pożizzjoni li tiddetermina jekk dan il-proġett, hekk kif propost, hux ser iħalli valur miżjud għall-gżira Għawdxija bl-inqas impatt ambjentali possibbli.
Il-kap eżekuttiv saħaq li l-awtorità ser tkun qed tippreżenta l-istudji kollha relatati ma’ dan il-proġett li huma disponibbli fuq is-sit – grda.mt – sabiex il-pubbliku jkun jista’ jifformola opinjoni indipendenti. Huwa qal li biex il-proġett jiġi spjegat f’aktar dettall, l-awtorità ser torganizza żewġ laqgħat ta’ informazzjoni nhar il-Ħamis 19 u l-Ġimgħa 20 ta’ Mejju 2022.
Ritratti: DOI