Titnieda Fiera Li Se Tiġbor Taħt Saqaf Wieħed Rappreżentanti Mill-Oqsma Tal-Agrikoltura U S-Sajd

 Titnieda Fiera Li Se Tiġbor Taħt Saqaf Wieħed Rappreżentanti Mill-Oqsma Tal-Agrikoltura U S-Sajd

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, nieda l-AgriFair 2022 – avveniment li se jiġbor taħt saqaf wieħed rappreżentanti differenti li jaħdmu fl-oqsma tal-biedja u s-sajd.

Fid-diskors tiegħu l-Ministru Anton Refalo beda billi għamel aċċenn għal kif il-Gvern Malti kien u se jibqa’ jkun ta’ spalla għal dawn is-setturi, b’mod partikolari minħabba l-impatt negattiv li ħallew fuqhom il-pandemija u l-kunflitt fl-Ukrajna.

Huwa qal ukoll li, “il-fiera se tkun qed tkompli ssaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn l-għaqdiet varji li jaħdmu f’dawn l-oqsma tant kruċjali, filwaqt li se tagħti opportunità unika lill-pubbliku biex jara b’għajnejh u jmiss b’idejh dak li jipprovdu dawn is-setturi.”

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said faħħret din l-inizjattiva għaliex b’attivitajiet simili, il-gvern qed jibqa’ jippromwovi dejjem iżjed il-prodott lokali. “F’din il-fiera, wieħed ser isib ‘il fuq minn 50 esebizzjoni, inkluż entitajiet governattivi, illi ser ikunu qed juru wħud mill-proġetti li l-ministeru ħadem fuqhom għall-benefiċċju tal-Maltin u l-Għawdxin kollha”, qalet is-segretarju parlamentari.

Alicia Bugeja Said ħeġġet ukoll lill-familji kollha sabiex jattendu għaliex, “ser inkunu qed nippromwovu u nagħtu informazzjoni interessanti dwar setturi kruċjali għal pajjiżna, bħas-sajd u l-akwakultura.”

“Nirringrazzja lill-ħaddiema kollha involuti għax bis-saħħa tal-għajnuna, il-ħsibijiet u s-suġġerimenti tagħhom, ser inkunu qed intellgħu fiera tassew sabiħa li, filwaqt li se sservi bħala sors ta’ informazzjoni, hija avveniment li jista’ jitgawda kemm mill-adulti kif ukoll mit-tfal”, ikkonkludiet is-segretarju parlamentari.

Din il-fiera li se tkun mifruxa fuq tlitt ijiem, u għandha l-għan li tippromwovi l-ħidma tal-bdiewa, is-sajjieda, l-entitajiet tal-gvern, negozji fl-industrija agroalimentari u għaqdiet oħra billi juru lill-pubbliku x’servizzi u prodotti joffru.

Din il-fiera ser isservi wkoll biex il-gvern ikompli jħares it-tradizzjonijiet waqt li tingħata xejra moderna b’enfasi fuq it-tekonologija, innovazzjoni, id-diversifikazzjoni, u l-aspett edukattiv.

L-AgriFair ser tkun fiera interattiva  u pjattaforma li tagħti l-opportunità ta’ networking lin-negozji, diskussjonijiet u konsultazzjoni dwar suġġetti marbuta ma’ dan is-settur, esibizzjoni ta’ makkinarju, sistemi teknoloġiċi, u metodi u sistemi ta’ produzzjoni agrikola b’mod sostenibbli. Din l-attività ser toffri wkoll esperjenza  kulinari ta’ ikel Malti permezz ta’ stands b’koki li jsajru prodotti Maltin.

Ser tittella’ wkoll wirja ta’ annimali, b’ġurija Maltija u barranija, kif ukoll esibizzjoni ta’ annimali indiġeni Maltin. Ser ikun hemm ukoll wirjiet ta’ snajja’ u ser jiġu organizzati tours f’ażjendi agrikoli fejn wieħed jista’ jesperjenza  u japprezza l-ħidma agrikola u l-produzzjoni tal-ikel Malti.

Il-fiera, bil-kunċett ta’ Farm-to-Fork, se tibda l-Ġimgħa, 20 ta’ Mejju u tispiċċa l-Ħadd, 22 ta’ Mejju, mill-għaxra ta’ filgħodu sa l-għaxra ta’ filgħaxija, fl-MFCC, Ta’ Qali. ​

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com