Engerer Magħżul Id-Delegat Tal-S&D Fuq Il-Ħidma Tal-Aġenzija Tal-Ażil Tal-Unjoni Ewropea F’Malta
Il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Cyrus Engerer intgħażel mill-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u Demokratiċi biex ikun ir-rappreżentant tagħhom f’missjoni uffiċjali tal-Parlament Ewropew fl-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil f’Malta, li tiffoka fuq il-migrazzjoni.
Bħala l-unika MPE Malti li jagħmel parti mill-Kumitat tal-Migrazzjoni, Engerer ġie magħżul mis-Soċjalisti u Demokratiċi għall-din il-missjoni wara li kien appuntat negozjatur f’isem dan il-grupp, fuq diversi rapporti leġislattivi relatati mal-politika tal-migrazzjoni tal-UE – fosthom fuq it-tiġdid reċenti tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet fl-Open Centres.
Mal-ħatra tiegħu, Engerer stqarr li “il-kriżi fl-Ukrajna wasslet għal dimensjoni ġdida fil-politika Ewropea dwar il-migrazzjoni. Fl-aħħar, qiegħdin naraw is-solidarjetà Ewropea fil-prattika, b’distribuzzjoni ċara u proporzjonata ta’ refuġjati Ukreni madwar l-Unjoni Ewropea. M’hemm l-ebda stat membru li qed iħossu waħdu hu u jaffaċja din il-kriżi, u hekk għandu jkun għal kull kriżi li taffetwa l-Unjoni tagħna.”
Engerer qal li fi sfond ta’ dan il-preċedent, huwa ser jappella u jaħdem għall-enfurzar permanenti tal-mekaniżmu tas-solidarjetà – fejn l-proċessar tal-applikazzjoniiet tal-ażil ikun maqsum bejn l-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea, fuq il-bażi tar-riżorsi li jħaddnu, u mhux fuq il-pożizzjoni ġeografika tagħhom.
Engerer, bħala r-rappreżentant Malti fi ħdan il-Grupp ta’ ħidma tal-migrazzjoni tas-Soċjalisti, ser ikun akkompanjat minn sitt membri oħra tal-Parlament Ewropew li jirrappreżentaw gruppi differenti mill-isfera politika.
Din id-delegazzjoni mistennija żżur l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil f’Mejju, fejn ser tiltaqa’ ma’ diversi uffiċjali għoljin fi ħdan din l-aġenzija.