Sant Jipproponi Pjattaforma Ta’ Xiri Komuni Biex Tipproteġi Lill-Konsumaturi Miż-Żieda Qawwija Fil-Prezzijiet Tal-Ikel

 Sant Jipproponi Pjattaforma Ta’ Xiri Komuni Biex Tipproteġi Lill-Konsumaturi Miż-Żieda Qawwija Fil-Prezzijiet Tal-Ikel

Waqt li kien qed jindirizza dibattitu fil-Parlament Ewropew dwar il-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi għall-Unjoni Ewropea tal-gwerra Russa fl-Ukrajna, l-eks Prim Ministru u l-Kap tad-Delegazzjoni Maltija tas-S&D Alfred Sant enfasizza li l-effetti tat-tieni fażi tal-gwerra jistgħu jimminaw l-istabbiltà soċjali u finanzjarja tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri għall-pjanijiet ta’ appoġġ nazzjonali se tkun ta’ importanza kbira. Sant innota li l-Unjoni Ewropea jista’ jkollha rwol vitali b’xiri komuni biex tikseb prezzijiet li huma aktar vantaġġjużi mingħand il-fornituri. Saħaq li l-mudell li qed jiġi diskuss fil-każ tal-gass u l-idroġenu li għandu jiddaħħal fis-seħħ biex jipproteġi lill-konsumaturi miż-żieda fil-prezzijiet jista’ jiġi estiż għall-ikel ukoll.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, ippreżentat is-sitt pakkett ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja, b’ritaljazzjoni għall-gwerra fl-Ukrajna, lill-Parlament Ewropew. Dan ser ikun qed jinkludi projbizzjoni fuq l-importazzjoni taż-żejt Russu kollu trasportat bil-baħar jew bil-pipeline, kemm mhux raffinat kif ukoll raffinat.

L-Ewroparlamentari Laburista Sant stqarr li kemm ir-Russja kif ukoll l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għadhom mhux qed jesperjenzaw il-piż sħiħ tas-sanzjonijiet u l-isfida għall-pajjiżi Ewropej hija li jippreparaw għat-taqlib li ġej. Sant irrikonoxxa li billi jiġġieldu l-invażjoni tal-Ukrajna b’sanzjonijiet ekonomiċi, l-Istati Membri Ewropej ma setgħux jistennew li jirnexxu fi żmien qasir għax ir-Russja lesta ġġorr tnaqqis ta’ 20% fid-dħul nazzjonali jew saħansitra aktar. Huwa sostna li filwaqt li l-pajjiżi Ewropej se jfittxu li jtaffu x-xokkijiet li tqajjem il-gwerra, b’mod partikolari, fuq strati tal-popolazzjoni tagħhom li għandhom dħul baxx, dawn il-pajjiżi għandhom jiżguraw ukoll li dawk li sejjaħ ostakli tas-suq ħieles ma jċajprux l-interventi tagħhom.

Sant wissa li l-gwerra tar-Russja fuq l-Ukrajna se tkun qed twassal għal spejjeż ogħla tal-enerġija, impatti fiskali negattivi, attakki ċibernetiċi u tfixkil fil-ktajjen tal-provvista. Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-ikel mistennija jiżdiedu bejn 8 u 22 fil-mija matul is-sentejn li ġejjin. Minn dan toħroġ il-ħtieġa għal aktar koordinazzjoni bejn l-Istati Membri għall-pjanijiet ta’ appoġġ nazzjonali.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com