Inawgurat Tagħmir Tal-Gym Fuq Barra (Outdoor Gym) F’Bosta Djar Tal-Anzjani Tal-Gvern
Ġie inawgurat investiment ta’ €11,000 f’tagħmir ta’ gym fuq barra, li jikkonsisti fi ‘Steering and Arm wheel’ u ‘Pedal Chair’ fid-djar tal-anzjani tal-Gvern fil-Mosta, Mellieħa, Mtarfa u fil-Furjana. Dan ġie inawgurat mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela flimkien mal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC) illum fil-Mellieħa fejn spjega, kif dan huwa l-andament tal-Gvern dwar kif se jinvesti fl-anzjani tagħna sabiex ikollhom modi ta’ kif anke jagħmlu eżerċizzju fiżiku.
“L-għan ewlieni tagħna huwa li nittrasformaw is-soċjetà tal-anzjani minn waħda ta’ dipendenza għal anzjanità attiva, sabiex tingħata indipendenza u dinjità f’dan l-istadju tal-ħajja tal-individwu,” qal il-Ministru Jo Etienne Abela.
Ħajja iżjed b’saħħitha jgħin li l-avvanz fis-snin, ikun wieħed aktar san, itawwal il-ħajja tax-xogħol filwaqt li jipprovdi wkoll inċentiv għal tkabbir ekonomiku. Iżjed ma jkunu b’saħħithom l-anzjani tagħna bl-eżerċizzju fiżiku, inqas ikollna pressjoni fuq is-sistema tas-saħħa u l-kura soċjali f’pajjiżna.
Spjega kif attivitajiet fiżiċi regolari għandhom ħafna benefiċċju minħabba li hekk kif nikbru, il-mobilità ssir dejjem aktar importanti. Ir-riċerka wriet li l-eżerċizzji jgħinu biex inaqqsu r-riskju ta’ waqgħat, immunità aktar b’saħħitha u diġestiv imtejjeb, pressjoni tad-demm u densità tal-għadam aħjar, kif ukoll riskju aktar baxx ta’ mard bħall-Alzheimer, dijabete, obeżità, mard tal-qalb, osteoporożi, u ċerti tipi ta’ kanċers. Dan jgħin ukoll lill-muskoli jissaħħu sabiex l-anzjani jkunu jistgħu jibqgħu jagħmlu l-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum mingħajr ma jsiru dipendenti fuq ħaddieħor.
Dan l-investiment se jitkompla fid-djar tal-anzjani kollha tal-Gvern.