Vot Ta’ Fiduċja B’Saħħtu Ieħor Fil-Ħidma Tal-MPE Josianne Cutajar

 Vot Ta’ Fiduċja B’Saħħtu Ieħor Fil-Ħidma Tal-MPE Josianne Cutajar

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Kumitat tal-Industrija fi ħdan il-Parlament Ewropew approva rapport dwar id-Deċenju Diġitali, rapport li l-MPE Josianne Cutajar innegozzjat għan-nom tas-Soċjalisti. Il-MPE Cutajar qalet li hija onorata li dan ir-rapport ingħata fiduċja b’saħħitha, fejn ġie approvat b’74 vot favur, vot kontra, u astensjoni waħda.

Cutajar saħqet li din il-ħidma li wettqet fl-aħħar xhur biex taċċerta li nilħqu miri diġitali importanti sal-2030 bħala Unjoni Ewropea, ser tkompli fiż-żmien li ġej, hekk kif issa l-Parlament Ewropew mistenni li jidħol f’negozjati mal-Kunsill.

Intant, aktar tard din il-ġimgħa, il-MPE ġiet mistiedna għal konferenza organizzata mill-GSMA, assoċjazzjoni li ġġib flimkien operaturi importanti fil-qasam tat-teknoloġija, l-internet u t-telekomunikazzjoni bħalma huma Samsung u Telefonica. Din il-konferenza ġiet mistiedna għaliha b’ rabta mal-ħidma diġitali li qed twettaq.

“Huwa kruċjali li l-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Membri Stati kollha, tadotta pjan ambizzjuż u fattibbli fejn tidħol it-transizzjoni diġitali, b’diversi miri importanti stabbiliti li jridu jintlaħqu sal-2030”, kompliet tgħid l-MPE. Dan japplika għal erbgħa oqsma importanti: is-servizz pubbliku, il-qasam tan-negozju, il-ħiliet diġitali u l-konnettivita’.

Waqt id-diskussjoni f’din il-konferenza, il-MPE Josianne Cutajar saħqet li fid-dinja tal-lum, l-aċċessibilita’ tal-internet saret neċessita’ u mhux kapriċċ kif kien qabel u għalhekk hu importanti li apparti fuq il-miri ta’ konnettivita’ naħdmu għal drittijiet diġitali aktar b’saħħithom. Hawn żiedet tgħid li għaddejja b’ħidma u pressjoni ulterjuri għax temmen li l-internet għandu jkun rikonoxxut bħala dritt fundamentali.

Hi kompliet tgħid li l-Ewropa tinsab pass ‘il bogħod meta kkumparata ma’ pajjiżi oħra fid-dinja u trid taħdem aktar f’dan ir-rigward anke biex tieħu rwol ta’ tmexxija fil-qasam diġitali. Cutajar semmiet li fl-2019, kienu biss 56% taċ-ċittadini Ewropej li kellhom ħiliet diġitali bażiċi u li dan il-perċentaġġ jrid jitla’ għal 80% sal-2030. Fir-rigward tan-negozji, kienu biss 60% tan-negozji żgħar u medji li kellhom intensita’ diġitali bażika fl-2020, bil-mira tkun li dan il-perċentaġġ jitla’ għal 90% fl-2030.

“Lil hinn mid-diskors, madanakollu, irridu naċċertaw li jkollna l-ambjent li jinċentiva l-investiment u jassigura li jkun hemm il-kundizzjonijiet u riżorsi neċessarji biex il-miri verament jintlaħqu. Apparti hekk, irridu naraw ukoll li jkollna suq diġitali u ekosistema tal-internet ġusti, fejn kemm l-investituri u anke l-pjattaformi diġitali jikkontribwixxu u jgawdu il-frott b’mod ekwu, filwaqt li nkomplu nieħdu ħsieb il-konsumaturi tagħna,” ikkonkludiet l-MPE.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com