Ippreżentata L-Ħidma Mill-Kummissjoni Dwar Il-Vjolenza Abbażi Tal-Ġeneru U L-Vjolenza Domestika Għas-Sena 2021

 Ippreżentata L-Ħidma Mill-Kummissjoni Dwar Il-Vjolenza Abbażi Tal-Ġeneru U L-Vjolenza Domestika Għas-Sena 2021

Waqt konferenza tal-aħbarijijet, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg ippreżentat ir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika li fih jelenka l-ħidma u l-inizjattivi li ġew implimentati matul it-tnax-il xahar li għaddew. L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li juri x-xogħol li qed isir biex tiġi indirizzata l-problema tal-vjolenza domestika filwaqt li jixħet aktar dawl fuq kif dan il-fenomenu qed jiżviluppa fir-realtajiet tal-lum.

Ir-rapport juri li n-numru ta’ persuni li għamlu użu mis-servizzi offruti fil-qasam tal-vjolenza domestika kompla jiżdied meta mqabbel mas-snin preċedenti. Fil-fatt, l-istatistika turi li filwaqt li kien hemm żieda fin-numru ta’ vittmi li rrapurtaw każijiet ta’ vjolenza domestika kien hemm ukoll żieda fin-numru ta’ aggressuri li għamlu użu mis-servizzi offruta lilhom.

L-istatistika tindika wkoll kif fis-sena 2020 madwar 20% tal-vittmi li fittxew l-għajnuna kienu taħt it-tletin sena. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ħadmet fuq diversi kampanji ta’ għarfien u edukazzjoni mmirati lejn il-ġenerazzjonijiet li huma iżgħar fl-età. Il-proġett pilota ‘Safe Dates’ ser iservi ta’ bażi biex tinġabar l-informazzjoni meħtieġa biex kampanji simili jistgħu jiġu estiżi fuq livell nazzjonali.

Il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri spjegat kif it-taħriġ huwa kruċjali sabiex inkunu nistgħu nedukaw u naħdmu favur il-prevenzjoni tal-vjolenza domestika. Hija spjegat kif is-sena li għaddiet, il-Kummissjoni organizzat diversi laqgħat ta’ taħriġ lill-professjonisti li jaħdmu f’dan is-settur li jevolvi ma’ kull jum li jgħaddi. B’hekk professjonisti setgħu jkabbru l-għarfien tagħhom biex meta jiltaqgħu ma’ dawn is-sitwazzjonijiet ta’ abbuż jkunu jafu kif għandhom jaġixxu biex joffru l-aħjar għajnuna possibli.

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg kellha kliem ta’ tifħir għax-xogħol li sar mill-Kummissjoni filwaqt li esprimiet l-impenn tal-Gvern biex jibqa’ jagħti l-għodda lill-awtoritajiet biex jaħdmu u jipprovdu gwida lill-vittmi. Hija spjegat kif il-Kummissjoni tanalizza l-ħtieġijiet tas-settur b’mod kontinwu biex tassigura li tkun proattiva fl-irwol tagħha.

“Il-vjolenza domestika hija ferita fonda ħafna u mhux il-problema ta’ individwu jew ta’ grupp, imma tas-soċjeta’ kollha. Irridu nkomplu naħdmu biex nedukaw lill-ġenerazzjonijiet li jmiss dwar x’inhuma s-sinjali ta’ abbuż f’relazzjoni u x’għandu jsir f’każijiet hekk. Nemmen li għad baqa’ triq twila biex naslu, imma konvinta li s-soċjeta’ qed tifhem aktar dak li qed nitkellmu dwaru,” tenniet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com