“L-Unjoni Ewropea Trid Tagħmel Aktar Għall-Gżejjer Tagħha” – Il-MPE Josianne Cutajar
L-Unjoni Ewropea hemm bżonn li żżid l-impenn tagħha fir-rigward tal-gżejjer tagħha. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Membru Parlamentari Ewropew Dr Josianne Cutajar, fid-dibattitu tal-plenarja din il-ġimgħa, ġimgħa importanti fejn ġie diskuss ukoll sett ta’ liġijiet ambjentali magħrufa bħala Fit for 55.
“Bħala rappreżentanta ta’ Stat Membru gżira, għad ma nistax ma ninnutax li filwaqt li l-Pakkett Fit for 55 fih ambizzjonijiet u miri essenzjali ħafna li rridu nilħqu, għad mhux jagħti biżżejjed konsiderazzjoni u attenzjoni lir-realtajiet li jaffaċjaw il-gżejjer, biex bl-assistenza adegwata huma wkoll jagħmlu din il-qalba tant importanti b’suċċess”, saħqet il-MPE.
Għalhekk hu essenzjali li l-Unjoni Ewropea tidħol f’Patt mal-Gżejjer tagħha u taddotta strateġija b’saħħitha li tinkludi assessjar speċifiku dwar l-impatt li proposti u liġijiet li jitressqu ikunu se jħallu fuq il-gżejjer u ċ-ċittadini li ġejjin minnhom. Dawn huma biss fost uħud mill-punti li qed jiltob ir-rapport dwar il-gżejjer u l-politka ta’ koeżjoni li l-MPE Cutajar innegozzjat f’isem is-Soċjalisti, rapport li wara li rċieva appoġġ sħiħ mill-Kumitat tal-Politika Reġjonali, issa ġie approvat b’vot b’saħħtu mill-plenarja.
Intant, b’rabta mar-rapport dwar il-gżejjer Dr Josianne Cutajar kellha l-okkażżjoni wkoll tiltaqa’ ma’ rappreżentanti ta’ reġjuni ta’ gżejjer Ewropej diversi li kienu mistiedna jattendu l-Parlament Ewropew fi Strasburgu f’dan il-mument importanti.
Il-MPE qalet li l-approvazzjoni ta’ dan ir-rapport mhux biss hu vot ta’ fiduċja fil-ħidma tagħha, imma wkoll turija tal-importanza li jkun hemm attenzjoni speċjali lill-gżejjer tal-Unjoni, xi ħaġa li ssaħħaħ d-determinazzjoni tagħha biex tkompli għaddejja b’ħidma sfieqa fir-rigward. “Dan hu punt ta’ ġustizzja soċjali mal-gżejjer tagħna, mal-Maltin, l-Għawdxin u ċ-ċittadini li jgħixu fil-gżejjer Ewropej”, ikkonkludiet il-Membru Parlamentari Ewropew Cutajar.