Il-PN Jappella Lill-Gvern Biex Iserraħ Moħħ Il-Ħaddiema Tal-Air Malta U Ma Jibqax Jiddisrimina Kontra Wħud Minnhom
“Hu tal-misthija kif fl-Air Malta, il-Gvern għadu qed ikaxkar saqajh b’mijiet ta’ ħaddiema li għażlu li jieħdu l-iskema wara li raw li l-kumpanija nazzjonali tal-ajru kienet qed titmexxa b’mod dilettantesk u mingħajr pjan ta’xejn. U dan wara li l-Gvern qal li kien ippreparat u li kollox Kien lest.
Iżda nafu li dan ma kien veru xejn għax la sar titjib fil-pagi tal-ħaddiema u wisq anqas fil-ħiliet.” Hekk qalet stqarrija mill-Partit Nazzjonalista ffirmata minn Ivan Castillo – Kelliem għax-Xoghol u s-Settur Maritimu u Ivan J. Bartolo – Kelliem għall-Ekonomija u l-Ħolqien ta’ Setturi Ekonomiċi Ġodda
Qalu li kawża ta’ dan in-nuqqas ta’ impenn mill-Gvern, kważi l-ħaddiema kollha għadhom lanqas biss jafu fejn se jmorru jaħdmu minn Awwissu li ġej, wara li posthom se jimtela’ minn ħaddiema barranin, għajr għal ftit tal-qalba li sabulhom l-aħjar postijiet, fosthom ma’ Transport Malta.
Il-Partit Nazzjonalista esprima solidarjetà ma’ dawk il-ħaddiema li l-Gvern “qed jgħaddi ż-żmien bihom u li saħansitra spiċċaw mhedda li jekk jiktbu xi ħaġa fuq il-mezzi soċjali dwar dak li ghaddejjin minnu fl-Air Malta, ipattuhielhom billi ma jtuhomx impjieg tajjeb maċ-Ċivil.”
Tennew li l-problema kollha ħoloqha l-Gvern stess għax, biex jikseb il-voti, qabel l-elezzjoni ġenerali wiegħed pakketti finanzjarji li aktarx mhux se jkun kapaċi jagħti jew li se joħolqu diskriminazzjoni fost il-ħaddiema. “Anke hawn, il-Gvern mhux se juża’ l-mekkaniżmu tal-equal pay for equal work.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex ma jibqax jgħaddi ż-żmien bil-ħaddiema li dejjem taw saħħithom u ħinhom biex l-Air Malta timxi ‘l quddiem u jfittex soluzzjoni ġusta għall-problema li ħoloq hu stess.
Jappella wkoll lill-Gvern biex iserraħ moħħ dawn il-ħaddiema, partikolarment f’dan iż-żmien meta l-għoli tal-ħajja hu bla kontroll, bi pjan definit u ta’ serħan tal-moħħ lill-familji kollha.” Hekk temmet tgħid din l-istqarrija.