Il-PN Irid Li L-Qasam Finanzjarju Ma Jibqax Maħkum Mill-Burokrazija

 Il-PN Irid Li L-Qasam Finanzjarju Ma Jibqax Maħkum Mill-Burokrazija
“Il-Partit Nazzjonalista jrid jara li l-professjonisti fil-qasam finanzjarju ma jiffaċċjawx aktar burokrazija għax din qed tkompli tagħmlilhom il-ħidma tagħhom diffiċli.”
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech matul laqgħa li kellu ma’ rappreżentanti mill-Istitut tal-Professjonisti fis-Settur Finanzjarju (IFSP), mill-Istitut Malti tal-Accountants (MIA) u mill-Istitut Malti tat-Tassazzjoni (MIT), li min-naħa tagħhom spjegawlu ftit mill-isfidi li jiltaqgħu magħhom il-professjonisti li jirrappreżentaw.
Fi stqarrija ntqal li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista sema’ kif dan is-settur qed jiffaċċja nuqqas ta’ riżorsa umana f’diversi setturi, fosthom l-accountancy. “Dan qed iseħħ l-aktar minħabba li l-burokrazija qed tagħmilha diffiċli biex ikunu attirati professjonisti ġodda barranin.
Barra minhekk, il-professjonisti qed isibu aktar ostakli minħabba li l-awtoritajiet qed ikunu aktar eżiġenti magħhom, fost l-oħrajn bi żjarat kontinwi fl-uffiċċji tagħhom. Iżda filwaqt li hu importanti li dawn iż-żjarat isiru, dawn għandhom ikunu l-eċċezzjoni u mhux in-norma. Hu għalhekk li l-awtoritajiet tal-Gvern għandhom ikunu aktar ikkordinati bejniethom.”
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Kelliem għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia u mill-Kelliem għall-Ekonomija u l-Ħolqien ta’ Setturi Ekonomiċi Ġodda Ivan J. Bartolo.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com