Fil-Ġimgħat Li Ġejjin, Il-Gvern Se Jagħmel Talba Għal €60 Miljun Mill-Pjan Ta’ Rkupru
Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Gvern Malti se jagħmel talba formali biex pajjiżna jingħata €60 miljun minn dak li hemm allokat għal Malta mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza, ħabbar is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett meta indirizza konferenza annwali dwar il-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza organizzata mir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta.
Is-segretarju parlamentari qal li pajjiżna se jagħmel din it-talba wara li wettaq b’suċċess sbatax-il riforma u żewġ investimenti maġġuri. Bħalissa l-gvern qed impenjat sabiex iwettaq 38 mira sal-aħħar kwart ta’ din is-sena. Mill-Pjan ta’ Rkupru pajjiżna diġà ngħata €41 miljun bħala pre-financing payment.
Dr Bonett spjega li bħala riżultat ta’ tkabbir ekonomiku b’saħħtu li pajjiżna kellu matul is-sena li għaddiet, se jkun hemm reviżjoni fuq l-ammont ta’ fondi li Malta se tkun qed tirċievi taħt il-Pjan ta’ Rkupru. Fl-ewwel kwart tas-sena, l-ekonomija Maltija kibret b’7.6 fil-mija u skont rapport tal-Kummissjoni Ewropea s-sena li ġejja Malta se jkollha t-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
“Bħalissa għaddejja ħidma biex naraw li l-proġetti li kellhom isiru mill-Pjan ta’ Rkupru jsiru xorta waħda iżda mill-pakkett finanzjarju ta’ fondi Ewropej 2021-2027 ta’ €2.2 biljun, l-ikbar pakkett ta’ fondi li qatt innegozja l-Gvern Malti,” enfasizza Dr Bonett.
Mill-Pjan ta’ Rkupru, Malta se twettaq ħafna proġetti favur enerġija nadifa u d-diġitalizzazzjoni. Is-segretarju parlamentari qal li din il-ġimgħa l-gvern nieda skemi b’valur ta’ €20 miljun għan-negozji sabiex iwettqu inizjattivi fil-binjiet tagħhom favur enerġija nadifa u fil-jiem li ġejjin se jiġu varati aktar skemi għan-negozji dwar id-diġitalizzazzjoni.
Dr Bonett sostna li l-gżira Għawdxija se tibbenefika wkoll minn dan il-pjan, b’mod partikolari biex jitwettqu riformi u investimenti dwar it-tranżizzjoni għall-ekonomija ħadra u għall-qalba diġitali. Wieħed mill-proġetti huwa l-qalba għal enerġija nadifa fl-Iskola Primarja tan-Nadur.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett temm jgħid li l-gvern huwa kommess li jwettaq dan il-pjan ambizzjuż li minnu se jkompli jgawdi l-poplu Malti, b’aktar proġetti f’diversi oqsma, fosthom fl-oqsma tal-enerġija, tal-ambjent, tal-edukazzjoni u tas-saħħa. Sostna li r-riformi li se jitwettqu minn dan il-pjan se jkomplu jimmodernizzaw l-ekonomija sabiex tkun aktar reżiljenti.