Luke Bonello Jirbaħ L-Atlas Atleta Żagħżugħ Tax-Xahar Għal Mejju

 Luke Bonello Jirbaħ L-Atlas Atleta Żagħżugħ Tax-Xahar Għal Mejju

Luke Bonello ngħata l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Mejju.

Flimkien ma’ Luke Fenech, Luke Bonello rebaħ il-midalji kollha tad-deheb, wara li ntrebħu l-logħbiet kollha li kellhom Azores, iż-żewġ timijiet Baleares u dak ta’ Sqallija fil-COJI Games li saru f’Mallorca. Bonello rebaħ ukoll midalja tad-deheb fuq bażi individwali biex kiseb total ta’ tliet midalji tad-deheb.

Luke Bonello ilu jipprattika t-table tennis minn April tal-2014, meta kellu biss seba’ snin. Huwa wera interess kbir f’din il-logħba meta kien jilgħab id-dar u l-imħabba tiegħu lejha mill-ewwel dehret evidenti.

Luke issieħeb mal-HiTT Academy għall-prova u malajr beda jitħarreġ magħhom regolarment. F’Diċembru tal-2014, Luke mar l-Olanda flimkien mal-head coach Mario Genovese għal dik li kienet l-ewwel esperjenza internazzjonali tiegħu. Dan l-avveniment tant influwenzah u mmottivah, kemm bħala student fit-table tennis u kemm bħala individwu, li tnissel fih sens ta’ indipendenza, anki ta’ dik l-età.

Il-ħolma ta’ Luke Bonello hija li jsir plejer ewlieni fit-table tennis u li dan l-isport li tant iħobb ikun il-passjoni ta’ ħajtu.

It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Mejju 2022 flimkien mal-vawċer t’abbiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju ġew ippreżentati lil Luke Bonello minn Matthew von Brockdorff, Managing Director u CEO flimkien ma’ Robert Micallef, Chief Commercial Officer ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti l-Amministratur Stephen Azzopardi.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.

In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’imejl lil [email protected]. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.

Ritratt: Mix-xellug: Robert Micallef, Chief Commercial Officer (Atlas Insurance); Stephen Azzopardi, Amministratur (MSJA); Luke Bonello. Matthew von Brockdorff, Managing Director & CEO (Atlas Insurance) u John Bonello (missier Luke).

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com