Il-PN Irid Li L-Art Fil-Ponta Taż-Żonqor Tingħata Lura Lill-poplu Mingħajr Kundizzjonijiet

 Il-PN Irid Li L-Art Fil-Ponta Taż-Żonqor Tingħata Lura Lill-poplu Mingħajr Kundizzjonijiet
Fi stqarrija mill-Partit Nazzjonalista ntqal, li l-partit dejjem ried li l-art fil-Ponta taż-Żonqor tibqa’ tal-poplu. Qalu li minflok, il-Partit Laburista fil-Gvern għażel li jaġevola lill-Ġordaniżi ta’ Sadeen, minkejja li kien deher mill-bidu li l-proġett tagħhom se jfalli, b’obbligi li baqgħu ma ntlaħqux sal-lum.
Hekk qalu, matul konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Rebekah Cilia u Darren Carabott, li huma membri fil-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, li lbieraħ iddiskuta l-mod kif il-Gvern irid ipartat l-art pubblika fil-Ponta taż-Żonqor ma’ art kbira fi SmartCity.
Il-kelliema nnotaw kif, bl-intenzjoni tal-Gvern, ta’ Sadeen se jħallsu €15,000 għal medda ta’ art li għandha l-valur kummerċjali ta’ €63 miljun. Barra minhekk, il-Gvern ta’ Robert Abela qed jagħżel li jaħbi dokumenti li suppost kienu parti mill-kuntratt biex ikompli jaġevola lill-Ġordaniżi.
“Lejlet l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, Robert Abela kien qal biss li l-art fil-Ponta taż-Żonqor mhix se tibqa’ f’idejn ta’ Sadeen, biex iqarraq bl-Iskalin u jixtrilhom il-voti. Iżda fl-ebda waqt ma qal li kien qed jiftiehem minn taħt mal-Ġordaniżi biex ipartatilhom medda oħra ta’ art.
Għax ma kienx jaqbillu jgħid il-verità dakinhar u ħalla kollox għal wara l-elezzjoni ġenerali.”
Hu għalhekk, tennew iż-żewġ kelliema, li Gvern Nazzjonalista kien jagħżel li jieħu l-art fil-Ponta taż-Żonqor biex titgawda mill-poplu Malti u Għawdxi kollu mingħajr l-ebda kundizzjoni. Għax din l-art qatt ma kellha tingħata lil ta’ Sadeen.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com