Raġel Jitlef Ħajtu f’Tas-Sliema Wara Li Waqa’ Fuq Il-Blat Meta Kien Qed Jaqbeż Ġol-Baħar
Aktar kmieni llum, għall-ħabta tat-tlieta u nofs ta’ waranofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza ix-xatt ta’ Tignè, Tas-Sliema, minħabba li kien hemm persuna midruba fuq il-blat.
Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li Tork ta’ 40 sena residenti Tas-Sliema waqa’ fuq il-blat waqt li kien qed jaqbeż ġol-baħar f’bajja li tinsab fl-akkwati ta’ Tignè.
Membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku taw l-assistenza. Ambulanza ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei, iżda sfortunatament, huwa ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Josette Demicoli LL.D ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.