Konkluż Il-Proċess Ta’ Konsultazzjoni Pubblika Dwar Il-proposta Ta’ Gozo Rural Airfield

 Konkluż Il-Proċess Ta’ Konsultazzjoni Pubblika Dwar Il-proposta Ta’ Gozo Rural Airfield

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li għadu kif ġie fi tmiemu l-proċess ta’ Regional Impact Assessment li kien jinkludi numru ta’ studji kif ukoll konsultazzjoni pubblika relatati mal-proġett propost tal-Gozo Rural Airfield. Il-Ministru Camilleri sostna kif fl-ewwel 100 jum ta’ dan il-gvern, il-Ministeru għal Għawdex, permezz tal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex, nieda dan il-proċess li permezz tiegħu ppropona dan il-proġett sabiex jesplora l-possibilità li s-sit dilapitat tal-Gozo Heliport jinbidel f’airfield.

Din il-proposta hija wegħda elettorali li dan il-gvern hu determinat li jwettaq, speċjalment issa li l-istudji kollha juru li l-benefiċċji relatati mal-proġett kif propost huma ferm aktar attraenti mill-impatt li dan jista’ jkollu”, sostna l-Ministru għal Għawdex.

 Huwa spjega li ġew sottomessi aktar minn 70 proposta, suġġeriment u rakkomandazzjoni li ġew analizzati b’reqqa mill-awtorità u li eventwalment ġew inklużi fid-dokument finali dwar dan il-proġett, ir-Regional Impact Assessment. “Nirringrazzja lil kull min b’xi mod ikkontribwixxa biex din il-proposta mhux biss titwettaq, bil-għan li nimmassimizzaw sit mitluq f’minjiera ta’ opportunità, imma biex dan isir b’rispett sħiħ lejn l-ambjent tal-gżira”, tenna l-Ministru Clint Camilleri.

Mario Borg, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex, ta ħarsa dettaljata tal-proċess relatat mall-konsultazzjoni pubblika fejn evalwa bir-reqqa l-impatt li dan il-proġett jista’ jkollu fuq l-ekonomija, l-ambjent u l-qasam soċjali tal-gżira Għawdxija kif ukoll ta ħarsa lejn ir-rakkomandazzjoni sabiex jitjieb il-proġett kif propost. Uħud mir-rakkomandazzjonijiet huma: li l-aspett rurali tal-proġett jibqa’ ċentrali, li jkomplu jiżdiedu l-miżuri – b’użu għaqli ta’ siġar u veġetazzjoni oħra – sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt ta’ ħsejjes li jistgħu jiġu ġġenerati, li l-fuel deposit ma’ jkunx ristrett biss għall-użu ta’ emerġenza, li l-proġett jaħseb għall-installazzjoni ta’ charging points elettriċi sabiex ikun aktar faċli li jintużaw minn ajruplani elettriċi, u li l-gvern jibqa’ jkollu sehem attiv fl-immaniġġjar tal-operat tal-airfield meta din titlesta.

Il-pass li jmiss hu li fuq ir-rakkomandazzjonijiet ta’ dan ir-rapport, il-Ministeru għal Għawdex fil-ġimgħat li ġejjin jissottometti applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar u jekk jinħarġu l-permessi, isegwi l-proċess tal-offerti biex b’hekk l-aċċessibilità lejn Għawdex tkompli tissaħħaħ”, ikkonkluda l-Ministru Camilleri.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com