Raġel Għeleb Meta Ċeda L-Ilqugħ Tal-Gallarija
Dalgħodu, għall-ħin tas-sagħtejn, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza fi Triq l-Imrejkba, San Pawl il-Baħar. Il-Pulizija marru mill-ewwel fuq il-post fejn irriżulta li raġel ta’ 32 sena residenti Ħ’Attard, waqa’ minn gallarija u sofra xi ġrieħi. Jidher li r-raġel għeleb meta għal xi raġuni ċeda l-ilqugħ tal-gallarija.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna lir-raġel u ttieħed b’ambulanza l-Isptar Mater Dei għall-aktar kura, fejn aktar tard kien iċċertifikat li sofra ġrieħi gravi. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.