“Naġixxu B’Responsabbiltà U B’Mod Li Nsostnu S-Sostenibbiltà Tad-Deċiżjonijiet Li Nieħdu.” – Il-PM

 “Naġixxu B’Responsabbiltà U B’Mod Li Nsostnu S-Sostenibbiltà Tad-Deċiżjonijiet Li Nieħdu.” – Il-PM

“Dak li qed inħarsu għalih għaż-żmien li ġej hu li nassiguraw is-serħan il-moħħ. L-istess bħalma sar waqt il-pandemija. Min iħaddem ġar parti mill-piż. Min jaħdem ta sehem ukoll. U fuq kollox il-Gvern serva ta’ tarka u sostenn. Malta mhix aljena għal ċertu sfidi u rridu naraw li quddiem dawk l-isfidi nibqgħu nieħdu dawk id-deċiżjonijiet li jżommu lil pajjiżna ekonomikament u soċjalment b’saħħtu.”

Hekk qal il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela f’kollegament telefoniku waqt il-programm ‘Sibt il-Punt’ fejn spjega kif f’dan il-perjodu, il-Gvern jgħaddi minn proċess ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali qabel il-budget għas-sena d-dieħla.

“Irrid ngħid li qed naraw msieħba soċjali li huma konxji sew mir-realtà li għaddejja madwar id-dinja. U għalkemm wieħed ma jkunx qed jaqbel ma’ kull ma jkun qed jingħad,  hu tajjeb u kruċjali li naġixxu b’responsabbiltà u b’mod li nsostnu s-sostenibbiltà tad-deċiżjonijiet li nieħdu.”

Il-Prim Ministru saħaq ukoll li jekk kien hemm xi ħaġa li Gvern Laburista ddistingwitu mill-2013 ‘il quddiem, kien dak, li sena wara sena bena fuq il-miżuri li implimenta, tant hu hekk li hemm miżuri li llum saru parti mit-tessut soċjali tagħna, bħal ma huma ċ-childcare b’xejn u t-trasport tal-iskejjel b’xejn. Servizzi li kieku fl-aħħar snin ma ttieħdux deċiżjonijiet bla preċedent llum il-familji jħallsu eluf ta’ ewro fis-sena għalihom.

“Fid-diskussjonijiet li qed ikollna anke fit-tħejjija tad-dokument ta’ qabel il-baġit li jkun ippubblikat fil-ġimgħat li ġejjin, aħna wkoll bħala Gvern irridu nuru responsabbiltà u sostenibbiltà. Dan fl-istess ħin li nibqgħu nżommu quddiem għajnejna il-prinċipju li meta ngħinu nkunu ċerti li din l-għajnuna tkun l-aktar b’saħħitha għaż-żgħir, lil min jiflaħ l-anqas fis-soċjetà tagħna.”

Robert Abela sostna kif dawn id-deċiżjonijiet importanti wasslu biex fost l-oħrajninżammu l-prezzijiet tal-enerġija stabbli. “Meta tħares lejn l-aħbarijiet internazzjonali, kif jinbidlu ta’ kuljum f’dan is-settur, wieħed jista’ jifhem kemm din hi deċiżjoni kbira. Deċiżjoni tal-istess portata, hija dik tal-għajnuna li tajna fil-pandemija bil-wage supplement. Dawn huma mijiet ta’ miljuni ta’ ewro investiti fin-nies.”

Il-Prim Ministru qal ukoll li kieku ma sarx hekk, illum ma għandniex l-inqas rata ta’ inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea li jfisser li ċittadini ta’ pajjiżi oħra qed iġorru piż li hawn Malta laqgħu l-Gvern.

“Ma jfissirx li għax għandna l-inqas rata ta’ inflazzjoni fl-Ewropa, m’hemmx azzjonijiet oħra li għandna nieħdu…U hawn irrid nagħmel punt fuq dan il-mekkaniżmu, il-COLA. Dan hu mekkaniżmu maqbul bejn l-imsieħba soċjali kollha u l-Gvern  żgur mhux se jkun qed ibgħabsu, għax forsi l-għajnuna se tkun iktar minn snin oħra. Il-prinċipju kien dejjem dak li l-mekkaniżmu jirrifletti qbil bejn l-imsieħba soċjali kollha u żgur li ma rridux ninjorawh.”

“Għalkemm realistiku, jien nibqa’ dejjem pożittiv. Għax is-sinjali ta’ rkupru hemm qegħdin.

Rajna fl-aħħar ġimgħat:

  • Tbassir ieħor pożittiv tal-Bank Ċentrali
  • Rekord ta’ xiri ta’ proprjetà residenzjali fl-ewwel seba’ xhur tas-sena
  • L-ajruport reġa’ qed jara numri li kien jara fis-snin qabel il-pandemija.
  • L-esportazzjoni laħqet iż-żewġ biljun ewro sa Ġunju
  • Żdied il-bejgħ fil-ħwienet meta fl-Unjoni Ewropea naqas

Dawn huma lkoll sinjali pożittivi importanti. L-investiment li qed nagħmlu qiegħed iħalli l-frott.”

Dwar it-tema tal-Air Malta, il-Prim Ministru kien skjett ħafna.

“Fil-manifest elettorali tkellimna dwar il-ħtieġa li pajjiżna jibqa’ jkollu linja nazzjonali tal-ajru. U dik hi l-bażi li fuqha qed tinbena l-ħidma tagħna… Fl-istess ħin impejnajna ruħna li se jitħares l-għejxien ta’ dawk il-ħaddiema li ma jibqgħux impjegati mal-kumpanija. U anke hawn hekk irid isir. Fl-istess ħin, li dawk li jagħżlu li jibqgħu jservu l-kumpanija, ukoll irridu nħarsulhom id-drittijiet tagħhom, għaliex filwaqt li r-riformi huma meħtieġa, aħna mhux Gvern li jitfa’ l-prezz ta’ dik ir-riforma fuq il-ħaddiem.”

Dwar is-sigurta’ f’pajjiżna, Robert Abela tenna li dak li ġara ftit tal-jiem ilu fil-Ħamrun huwa inaċċettabli, jiġri fejn jiġri u jkunu min ikunu dawk involuti.

Il-Prim Ministru rringrazzja lill-uffiċċjali kollha, kemm dawk involuti u oħrajn li jħabbtu wiċċhom ma’ sitwazzjonijiet simili tal-ħila u d-dedikazzjoni sabiex jaffaċċjaw sitwazzjonijiet bħal dawn.

“Fl-aħħar xhur u snin id-dedikazzjoni ta’ ħafna membri tal-korp tal-Pulizija, kienet kruċjali biex issolvew każi kumplessi u ta’ dan m’hemmx kliem biżejjed biex inroddilhjom ħajr.

Imma mhux biss inroddulhom ħajr. Aħna qegħdin u se nkomplu ninvestu iktar fihom. Il-body cams, per eżempju, kienu għodda essenzjali li diġa’ għen anke għaliex mhux biss isaħħitillhom idhom fl-investigazzjoni iżda ssolvew każi importanti filwaqt li naqsu wkoll l-agressjonijiet fuq il-Pulizija b’mod sostanzjali.

Infurmat li dalwaqt ikun hemm uniformijiet ġodda. Iktar komdi u iktar siguri.

Qed isir ukoll tibdil fl-apparat tal-Korp li jkompli jsaħħaħ is-sigurtà tal-membri u t-twessiegħ ta’ għodod importanti li jintużaw fil-ħidma ta’ kuljum. Konxju li dejjem ikun baqa’ x’nagħmlu, imma l-investiment qed hemm u se jkompli jiżdied. U hemm direzzjoni ċara li jrid ikun prijorita’.”

Imma żgur li l-investiment għal meta jinqala’ xi ħaġa mhux biżżejjed. “Għax li hu żgur hu li kulħadd għandu dritt jgħix fil-kwiet ġewwa daru u mhux ser nittolleraw sitwazzjonijiet li jtellfu s-serenità tar-residenti. U dan il-messaġġ irrid li jkun ċar minn kulimkien; aħna l-Gvern u l-awtoritajiet tiegħu b’responsabbiltà kbira fuq spallejna, iżda wkoll mill-Qrati, mis-soċjetà… minn kulħadd. M’hemmx skużi quddiem ċertu aġir.”

Dwar il-preżenza ta’ komunitajiet barranin f’pajjiżna, il-Prim Ministru spjega kif pajjiżna jilqa’ fih ħafna barranin u l-maġġoranza assoluta ta’ dawn il-barranin jgħixu fis-serenità mal-ġirien, il-kollegi tax-xogħol u ma’ dawk kollha li jafuhom. Barranin li ħafna minnhom jaħdmu spalla ma’ spalla mal-ħaddiema tagħna, fil-fabbriki, fl-isptarijiet, fid-djar tal-anzjani, fl-industrija tal-ospitalità u tista’ tgħid f’kull settur tal-ekonomija.

“Peró mhux se noqgħodu lura milli nitkellmu u nieħdu azzjoni fejn ikollna każi fejn barranin ma jġibux rispett lejn il-bqija tas-soċjetà – saħansitra lanqas lejn il-komunità tagħhom stess – u jkunu ta’ problema għal buon ordni.

Irrid infakkar u nserraħ moħħ kulħadd li kull fejn ikun legalment u loġistikament possibbli, l-awtoritajiet ma jitilfux ċans wieħed sabiex jaraw li dawk il-barranin li jiksru l-liġi – u allura ma jkunux denji li jgħixu fis-soeċjetà tagħna – ma jibqgħux f’pajjiżna. Hekk ser nibqgħu nagħmlu u mhux se nibżgħu mill-kritika.”

Dwar l-immigrazzjoni irregolari, il-Prim Ministru kellu messaġġ ċar.

“Kważi m’għaddietx ġurnata dan is-sajf li flimkien man-nies tal-armata u tal-ministeru tal-intern, ma kienx meħtieġ li nsegwu u nieħdu deċiżjonijiet quddiem kriżi li għada għaddejja fil-Mediterran. Imma anke meta nkun iebes fuq l-immigrazzjoni rregolari, problema li llum qed nikkontrollaw, u ngħid dan b’kawtela għax f’ħakka t’għajn is-sitwazzjoni tinbidel, jien dejjem ridt nibgħat messaġġ ċar li dan pajjiż miftuħ u inklussiv, iżda b’mod li jirrispetta l-liġijiet tal-pajjiż. Li mill-mument li tasal hawn tagħmel dan skont il-liġijiet u mhux b’mod li jinċentiva t-traffikanti tal-bnedmin. Għax imbagħad l-aġir ta’ dawk it-traffikanti l-piż tiegħu terfgħu l-komunita tal-Marsa, il-Ħamrun u Birżebbuġa.

Fl-aħħar mill-aħħar jien irrid li ċ-ċittadini tagħna jkollhom il-messaġġ ċar li l-awtoritajiet qegħdin hemm biex jipproteġu l-kwalità tal-għajxien tagħhom.”

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com