“Il-Ministru Tal-Finanzi Jerġa’ Jwiegħed Wegħda Li Ma Żammx” – Il-PN

 “Il-Ministru Tal-Finanzi Jerġa’ Jwiegħed Wegħda Li Ma Żammx” – Il-PN
Fil-Budget għal din is-sena, dak ta’ qabel l-elezzjoni, il-Ministru tal-Finanzi kien wiegħed COLA speċjali għal dawk vulnerabbli u bi qligħ baxx. Wasal Budget ieħor u l-Ministru tal-Finanzi qed jerġa’ jwiegħed wegħda li ma żammx. Hekk qalet stqarrija mill-Partit Nazzjonalista fejn saħqet li dawk vulnerabbli u bi qligħ baxx jixraqilhom li jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja b’mod dinjituż. “Il-kwalità tal-ħajja tagħhom qed dejjem titnaqqar. Xirja li konna nixtru tliet xhur ilu, illum trid €100 żaktar għaliha. Hemm min din id-differenza qed iħossha bil-kbir u qed joqgħod lura minn ħwejjeġ oħra, b’hekk mhux jgħix kwalità ta’ ħajja tajba.”
L-istqarrija qalet li għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jtenni l-ħtieġa li, minħabba l-ispiża dejjem tikber tal-għoli tal-ħajja, aktar minn qatt qabel il-Gvern irid iħares id-dħul ta’ dawk vulnerabbli u bi qligħ baxx, kif ukoll li d-dħul ikun adekwat u ġust.
“Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex jiffoka u bis-serjetà jara li jtaffi ftit mit-tbatijiet li dawk vulnerabbli u bi qligħ baxx jgħaddu minnhom ta’ kuljum minħabba, fost oħrajn, l-ispejjeż relatati ma’ numru ta’ servizzi, il-mediċini u l-bżonnijiet essenzjali ta’ kuljum, li dejjem qed jiżdiedu b’mod sproporzjonat.
Matul din is-sena, il-Gvern kompla jixxaħħaħ ma’ dawk vulnerabbli u bi qligħ baxx, filwaqt li t-tberbiq u l-ħela għal tal-qalba kompla għaddej qisu xejn mhu xejn. F’dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli, u bil-ħajja tkompli togħla, il-Gvern irid jara li flus il-poplu jintużaw kif inhu xieraq u b’hekk għandu jwaqqaf is-serq minn flusna.
Il-Partit Nazzjonalista jappella biex l-isparpaljar tal-fondi pubbliċi jieqaf minnufih u biex, b’għaqal, b’immaniġġjar tajjeb u bi pjanar serju, il-Gvern jara li f’dan iż-żmien ta’ sfida, kull min hu fil-bżonn, bħal dawk vulnerabbli u bi qligħ baxx, jingħataw l-għajnuna li tixirqilhom. Għax filwaqt li pajjiżi Ewropej oħrajn qed jaraw kif se jgħinu liċ-ċittadin quddiem l-isfidi tal-għoli tal-ħajja, il-Gvern Laburista jrid lilek tissikka ċ-ċinturin.
Dawk vulnerabbli u bi qligħ baxx għandu jkollhom is-serħan tal-moħħ li jistgħu jgħixu kwalità ta’ ħajja diċenti”, temmet tgħid l-istqarrija. Din kienet iffirmata minn Jerome Caruana Cilia Kelliem għall-Finanzi, Ivan Bartolo- Kelliem għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u l-Ġlieda kontra l-Faqar u Charles AzzopardiKelliem għad-Delizzji u għall-Ġlieda kontra l-Għoli tal-Ħajja
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com