L-Ewwel Edizzjoni Ta’ Dock Music Fil-Kottonera.
F’dak illi kien il-Baċir Numru 1 se ssir l-ewwel edizzjoni ta’ Dock Music. Festa ta’ mużika li tiċċelebra s-sabiħ tal-Kottonera. Għal din l-ewwel edizzjoni se jingħataw kunċerti minn Ivan Grech u Versatile Brass nhar it-Tlieta 20 ta’ Settembru, lejliet festa, mis-7 ta’ filgħaxija ‘l quddiem.
Din l-attività hija organizzata mill-Fondazzjoni Kottonera bl-appoġġ tal-Università Amerikana ta’ Malta u l-Kunsill Lokali ta’ Bormla. Minbarra l-kunċerti ewlenin ta’ Ivan Grech u l-Band flimkien mal-Versatile Brass se jipparteċipaw ukoll kantanti u mużiċisti lokali oħra. Dan l-avveniment huwa bla ħlas u miftuħ għal kulħadd.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li attivitajiet bħal dawn huma meħtieġa sabiex jagħtu l-kulur u l-ħajja lill-lokalitajiet tagħna. Filwaqt li awgurat kull suċċess għal din l-ewwel edizzjoni ta’ din l-attività, faħret lill-Fondazzjoni Kottonera għall-impenn tagħha fuq dan il-proġett. “Inħeġġeġ lil pubbliku sabiex jattendi u jgawdi t-talent Malti li jaf jofri pajjiżna” temmet tgħid Zerafa Civelli.
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera Glenn Bedingfield qal “Dan huwa l-ewwel kunċert tax-xorta tiegħu fil-baċir. Għal ħafna snin hawnhekk kien post fejn eluf ta’ ħaddiema qalgħu l-għixien. Illum huwa spazju miftuħ mill-isbah li l-familji jistgħu jgawdu”.
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera Glenn Bedingfield qal ukoll li matul din is-sena reġa’ intwera interess kbir għal attivitajiet fil-Kottonera u għalhekk illi l-Fondazzjoni se tibqa’ taħdem biex il-Kottonera tkun ċentru ta’ attivitajiet kulturali ta’ livell.
Paul Borg mill-Versatile Brass ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jattendi għal dan il-kunċert filwaqt li ddeskrivih bħala “Kunċert imżewwaq b’mużika appellabli għal kulħadd b’uħud mill-aqwa talent lokali”.
Fl-intervent tiegħu, Ivan Grech tenna “Il-Kottonera hija fl-għeruq ta’ ħajti, meta nkanta hawn il-memorji ta’ tfuliti jqanqluli ħafna emozjonijiet sbieħ”.
Il-president tal-Università Amerikana ta’ Malta, Dr. Michel Najjar qal li “Bħala l-Università Amerikana ta’ Malta, aħna kburin li nikkontribwixxu għal avveniment bħal dan ospitat mill-Fondazzjoni Kottonera, bħala Hosting Partners. Bħala l-Università Amerikana ta’ Malta, aħna nibqgħu impenjati lejn il-Kottonera u l-gżejjer Maltin, l-ewwel nett biex insiru xempju ta’ edukazzjoni ogħla, u barra minn hekk biex inkomplu insaħħu l-akwata li ninsabu fiha. Bħala Hosting Partners għal avvenimenti bħal dawn, aħna ħerqana li nikkontribwixxu għal aktar avvenimenti, kemm jekk huma kulturali, storiċi, edukattivi, u dawk ta’ divertiment, biex niżguraw li l-Kottonera tkompli miexja l-quddiem.”